Lokali

Derek Johnson – L-Ingliż li miet mewta traġika wara ħruġ ta’ gass minn heater

L-Ingliż li tilef ħajtu wara leak ta’ gass fl-appartament tiegħu ġie identifikat bħala Derek Johnson, NETnews.com.mt jista’ jikkonferma. Johnson instab bla ħajja f’appartament fi blokka t’appartamenti f’Kerċem, Għawdex, għall-ħabta tat-8.30am.

Kien dak il-ħin meta l-Pulizija t’Għawdex ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa residenza fi Triq it-Torri, Kerċem.

Malli l-uffiċjali tal-Pulizija daħlu fil-post indikat lilhom, mal-ewwel setgħet tinxtamm riħa qawwija ta’ gass.  Minkejja dan, il-Pulizija pproċedew fir-residenza privata u wara tfittxija li saret, instab il-ġisem bla ħajja tar-raġel ta’ 79 sena ġewwa kamra tas-sodda.

Minn investigazzjonijiet preliminari li saru, jidher li allegatament kien hemm ħruġ ta’ gass minn heater.

Filwaqt li l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu wkoll sabiex jassistu, sfortunatament il-vittma ġie ċertifikat mejjet fuq il-post.

Intant, il-Maġistrat tal-Għassa Joanne Vella Cuschieri ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.