Lokali

Joe Debono Grech maħtur Uffiċjal tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu

L-eks-Ministri Laburisti Louis Grech u George Vella dalgħodu  ngħataw l-ogħla unur ta’ Ġieħ ir-Repubblika, dak ta’ kumpanni tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu. Magħhom jingħaqdu Joe Debono Grech u Leo Brincat fil-lista ta’ eks-Ministri Laburisti hekk kif ġew maħtura Uffiċjali tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.

F’ċeremonja fil-Palazz tal-President f’Jum ir-Repubblika, il-President Marie-Louise Coleiro Preca libbset il-midalji u l-unuri fuq dawk mogħtija t-titlu ta’ Ġieħ ir-Repubblika.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, ingħaqad mal-lista tan-nies onorati hekk kif ġie maħtur Kumpann Onorarju bl-istilla tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu għall-kooperazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, partikolarment fil-Presidenza Maltija. Il-ħidma estensiva tal-eks deputat Nazzjonalista, Louis Galea, fil-politika ġiet onorata bil-ħatra tiegħu bħala Uffiċjal tal-Ordni.Il-Konslu Onorarju Malti fil-Bulgarija, Borislav Tzetkov Boyanov, u l-eks Ambaxxatur Palestinjan f’Malta, Jubran Taweel, ingħataw it-titlu ta’ Uffiċjali Onorarji tal-kontribut tagħhom fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali.

Fost il-membri ġodda fl-Ordni hemm John Bencini (eks-trejdunjonista), Joe Camilleri(eks-Segretarju Privat ta’ Dom Mintoff), Dominic Fenech (lettur fl-Universita’ta’Malta u eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista), Charles Flores (opinjonista) u Richard Matrenza (eks-kandidat Laburista). Magħhom ingħaqdu għadd ta’ artisti, professjonisti u imprendituri fosthom Pawlu Camilleri Cauchi(pittur), Francis Ebejer(kittieb), Reginald Fava(imprenditur) u Godfrey Anthony La Ferla(kirurgu).

Fost in-nies li ngħataw il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika hemm Gofrey Grima (opinjonista), Salvu Vella(residenti f’Kemmuna), Joe Attard(eks-Sindku taż-Żejtun), Anna Calleja (direttur tal-Kumitat Olimpiku Speċjali f’Malta) u l-Professur Charles Zammit(Surmast).

Fl-indirizz tal-President tar-Repubblika qabel iċ-ċeremonja, Marie-Louise Coleiro Preca tkellmet fuq il-ħsara li ħalla l-qtil fuq il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fuq l-impressjoni ta’ Malta internazzjonali, qtil li kexkex lil kulħadd. Hija appellat lill-ġurnalisti biex jagħmlu kuraġġ u jkomplu jagħtu servizz lis-soċjetà mingħajr biża’ jew preġudizzju.

Fost il-ħsibijiet u tħassib li esprimiet fid-diskors tagħha, il-President tkellmet fuq il-pjaga tad-droga f’Malta, partikolarment b’appell indirett fuq leġiżlazzjoni riċerkata u studjata għad-dekriminaliżazzjoni tal-kannabis. Malta ma tistax tieħu riskji li jistgħu jheddu d-dinjità tal-mara, partikolarment bil-liberalizzazzjoni tal-prostituzzjoni, u jeħtieġ li tiddefendi l-valuri li dejjem għożżiet sabiex ma trendix lilha nnifish stat bla ruħ.