Hekk kif aktar tard illum, il-Parlament Ewropew se jkun qed jivvota fuq emenda li ressaq il-Grupp tas-Soċjalisti – biex Malta tiġi kkunsidrata bħala tax haven – l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista qed jibqgħu jinsistu li Malta mhix tax haven.
Il-Grupp tas-Soċjalisti – li jinkludi lill-MEPs tal-Partit Laburista Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi – qed jinsisti li Malta titqies bħala tax haven. Fi stqarrija, l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech sostnew li huma – bħala d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew – qed jaħdmu mhux biss biex jassiguraw il-vot tal-MEPs tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew iżda anke MEPs mill-ispetru politiku kollu, jiġifieri minn gruppi politiċi oħra.
“Hu ta’ għajb li l-MEPs tal-Partit Laburista ħallew din l-emenda kontra Malta titressaq. Aħna qed nagħmlu minn kollox biex nassiguraw li l-proposta tas-Soċjalisti ma tgħaddix,” qalu David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech. Huma sostnew li hu evidenti li mid-diskussjonijiet li kellhom kemm fi Brussell kif ukoll fi Strasburgu, dak li wassal għal din il-mossa kien il-fatt li l-Prim Ministru Malti ma ħax azzjoni kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri wara li ġew żvelati l-istrutturi finanzjarji tagħhom.
“Joseph Muscat għamel ħsara lill-Malta tant li l-MEPs mill-partiti politiċi kollha ma jistgħux jemmnu li l-Partit Laburista f’Malta qagħad juża l-enerġija tiegħu biex jiddefendi lil dawn l-individwi meta suppost kien qed jiddefendi lil Malta. Minflok, Muscat għażel il-partiġġjaniżmu u pponta s-swaba. Muscat għażel lill-Partit Laburista fuq Malta,” insistew l-MEPs.
Il-vot – li jista’ jkollu implikazzjoni serji fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta – se jittieħed illum waranofsinhar fi Strasburgu.
//= $special ?>