Lokali

Organizzata protesta dwar ir-rilokazzjoni tal-ambaxxata Amerikana lejn Ġerusalemm

Il-Palestinjani, m’humiex waħedhom. F’dawn il-jiem, miljuni ta’ nies imlew il-pjazez jesprimu r-rabja għall-inġustizzja li qed isofri l-poplu Palestinjan.

Sostna dan il-Moviment Graffitti li organizza mixja ta’ solidarjeta’ mal-poplu Palestinjan wara li iktar kmieni din il-ġimgħa, il-President Amerikan Donald Trump ħabbar li l-Istati Uniti se tmexxi l-Ambaxxata minn Tel Aviv għal Ġerusalemm.

Flimkien mal-Moviment Graffitti, kien hemm ukoll membri tal-Komunita’ Palestinjana f’Malta. Net News ħa l-kumment ta’ Fadi Hanania, First Secretary fl-Ambaxxata Palestinjana għal Malta

Il-Moviment Graffitti qal li din id-deċiżjoni ta’ Trump tweġġa u tirrabja lil kull min għandu għal qalbu il-ġustizzja u hi l-aħħar minn sensiela ta’ atti ta’ tkeċċija u vjolenza fuq il-poplu Palestinjan li ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar 70 sena.