Qed tikber l-ispekulazzjoni fl-Italja li bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena, il-Parlament Taljan se jiġi xolt biex hekk isir elezzjoni bikrija f’Marzu tas-sena d-dieħla.
L-indikazzjonijiet huma li jekk il-Parlament jiġi xolt, il-vot isir bejn l-4 jew l-11 ta’ Marzu.
Suppost elezzjoni kienet skedata għal Mejju imma ħafna partiti politiċi jridu li din issir qabel u bl-aħħar leġiżlazzjoni ewlenija, il-Baġit għall-2018, jiġi approvat qabel tmiem is-sena.
L-alleanza taċ-ċentru lemin tal-eks-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi qed titqies bħala l-favorita li tirbaħ l-akbar ammont ta’ voti fl-elezzjoni. Iżda l-indikazzjonijiet huma li mhux se jikseb il-maġġoranza assoluta.
Il-Moviment 5 Stelle ta’ Beppe Grillo qed jiġi mbassar mill-istħarriġ tal-opinjoni pubblika li se joħroġ bħala l-akbar partit fil-vot u bħala konsegwenza fil-Parlament imma Grillo dejjem eskluda l-possibbiltà li jissieħeb f’koalizzjoni.
Possibbiltà ta’ elezzjoni bikrija fl-Italja


