Il-Partit Demokratiku kiseb rebħa storika f’Alabama wara li Doug Jones irnexxielu jiġi elett bħala Senatur.
L-ewwel darba li kien hemm rebħa għad-Demokratiċi fl-Istat ta’ Alabama f’dawn l-aħħar 25 sena.
Jikkontesta kontrih kien hemm ir-Repubblikan Roy Moore, li kien qed igawdi mill-appoġġ tal-President Donald Trump.
B’hekk issa d-distakk bejn id-Demokratiċi u r-Repubblikani naqas fis-Senat. Il-maġġoranza tar-Repubblikani fis-Senat issa hi ta’ 51 siġġu kontra 49. Is-sena d-dieħla issa se jsiru elezzjonijiet għas-Senat u hemm possibbiltà li d-Demokratiċi jirbħu l-maġġoranza fiha.
Dwar l-interpretazzjoni li dan kien vot kontra Trump, osservaturi wissew li Moore tant kien kandidat kontroversjali li diffiċli li wieħed jasal għal din il-konklużjoni.
Għalkemm Moore ma kkonċediex it-telfa, Trump min-naħa tiegħu feraħ lil Jones għar-rebħa li kiseb.
Rebħa storika għad-Demokratiċi f’Alabama


