Ekonomija Lokali Unjoni Ewropea

“Is-Soċjalisti Ewropej riedu jikkrollaw is-servizzi finanzjarji f’Malta” – Adrian Delia

Hekk kif l-emenda tas-Soċjalisti Ewropej, li miegħu affiljat il-Partit Laburista, m’għaddietx bi żbrixx hekk kif kien hemm parità fil-vot ta’ 327 vot favur u ieħor kontra, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, wera t-tħassib tiegħu għar-riperkussjonijiet li setgħet iġġib din l-emenda fuq ir-reputazzjoni finanzjarja ta’ pajjiżna.

Is-Soċjalisti Ewropej riedu li Malta tiġi ddikjarata tax haven. Kieku għadda dan il-vot, il-mozzjoni kienet ixxejjen ħidma ta’ 30 sena ta’ diversi gvernijiet, Nazzjonalisti u Laburisti, li għamlu minn kollox biex jipproteġu u jsaħħu s-servizzi finanzjarji f’Malta, liema servizzi kellhom u għad għandhom reputazzjoni eċċelenti. Vot mod ieħor kien joħloq problema kbira għaliex is-settur jimpjega eluf ta’ żgħażagħ, professjonisti Maltin u jsostni l-ekonomija tagħna, liema settur prattikament kien jikkrolla.

Delia rringrazzja lis-6 MEPs Maltin li salvaw dan il-vot:
“Il-Maltin fuq din ingħaqdu u importanti li ningħaqdu għax jekk Malta ma tingħaqadx biex tissalvagwardja l-pożizzjoni tagħna u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna allura jkollna problemi kbar. B’mod partikolari nixtieq nirringrazzja lill-MEPs tagħna, David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech, li għamlu ħidma kbira fl-aħħar jumejn biex salvaw is-settur finanzjarju, li prattikament jagħti l-għixien lil eluf ta’ ħaddiema, professjonisti, żgħażagħ Maltin. Is-sehem tagħhom tassew kien kruċjali.”

U hekk kif kien fi triqtu għall-ewwel summit tiegħu tal-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew f’Brussel, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr l-aspetattivi tiegħu għal dan is-summit:
“Importanti li nifhmu li dan mhux sempliċiment sejrin Brussels biex nkunu morna għamilna dan is-summit u nipparteċipaw fil-laqgħat. Kieku m’għandniex din il-pożizzjoni, dawn l-opportunitajiet u l-ħbieb fl-Ewropa, kieku dan il-vot konna nitilfuh.”

Huwa qalilna li sejjer hemm bi ħġaru biex jiddjaloga u jsaħħaħ il-ħbiberija Maltija mal-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew.

Intant, fuq Twitter, il-Kap esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għall-ħidma kruċjali tal-MEPs Nazzjonalisti u li issa, iktar minn qatt qabel, neħtieġu #niddefendulilMalta .