Real Madrid kellhom jitħabtu ferm aktar milli kien mistenni biex għelbu lil Al-Jazira fis-semi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs bi skor ta’ 2-1.
Real kellhom żewġ gowls imħassrin fl-ewwel taqsima u filfatt kienu Al-Jazira li fetħu l-iskor b’gowl ta’ ROMARINHO fil-41 minuta.
Fit-tieni taqsima l-Għarab setgħu għamlu l-iskor 2-0 imma Boussoufa kellu gowl imħassar u kien hawn fejn bdiet ir-rimonta taċ-champions Ewropej.
Fit-53 minuta kien is-solitu Cristiano RONALDO, li għadu kemm rebaħ il-Ballun tad-Deheb, li ġab id-draw għal Real. Grazzi għal dan il-gowl Ronaldo sar l-aqwa skorer fl-istorja ta’ din il-kompetizzjoni b’sitt gowls.
Fil-81 minuta, minuta wara li daħal jilgħab bħala sostitut Gareth BALE skurja t-tieni gowl għal Real li issa fil-finali tas-Sibt li ġej jilagħbu kontra Gremio tal-Brażil.
Real se jippruvaw jiddefendu t-titlu li rebħu sena ilu.
//= $special ?>