Ħallelin mhux magħrufa matul il-lejl li għadda żgassaw il-bieb tal-kampnar tal-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz fil-Birgu bil-għan li jwettqu serqa mill-istess Knisja. Hu mifhum li l-ħallelin telgħu ma’ scaffolding armat ma’ binja tmiss mal-Knisja u daħlu fil-Knisja minn fuq il-bejt għal ġol-garigor tal-kampnar.
Wara l-mewġa ta’ serq mill-knejjes fil-Kottonera u l-madwar, f’kummenti ma’ NET News, il-Kan. Karm Busuttil, l-Arċipriet tal-Birgu, qal li l-Parroċċa ħadet il-prekawzjoni kollha possibli billi ddepożitat il-fided u l-kalċijiet kollha l-bank u allura ma kellhom x’jisirqu.
Peress li l-kaxxi tad-donazzjonijiet quddiem l-istatwi u dawk għat-turisti fil-knisja jitbatlu kull jumejn, l-Arċipriet jistima li l-ammont misruq ma jaqbiżx l-€20.
L-iżgass ġie nnutat għall-ħabta tas-7.00am hekk kif l-Arċipriet u s-Sagristan fetħu l-knisja għall-quddiesa tal-ewwel. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha u qed telava l-filmati tas-CCTV fil-Knisja.
//= $special ?>