Lokali

It-‘Trooping’ tal-Kulur Presidenzjali għall-Jum ir-Repubblika

Din il-parata ilha ma ssir mill-1900 f’Malta

Kien  fit-13 ta’ Diċembru 1974 li nħatar l-ewwel President tar-Repubblika Maltija, Sir Anthony Mamo, u b’hekk, ir-Reġina Eliżabetta ma baqgħetx il-kap tal-istat. Fost it-tibdiliet approvati miż-żewġ naħat tal-Kamra fil-Kostituzzjoni kien hemm dik li Malta ssir Repubblika.

Il-Forzi Armati ta’ Malta fakkret it-43 Anniversarju tar-Repubblika Maltija bit-trooping tal-Kulur Presidenzjali, ippreżentat lill-Forzi Armati fl-2014. Din il-parata ilha ma ssir mill-1900 f’Malta. Il-kelma trooping tfisser li t-truppi tar-Reġimenti jesebixxu l-kuluri tagħhom ta’ spiss billi jimmarċjaw bil-mod tul l-istakkament tat-truppi bil-għan li jfakkru lil dawk is-suldati kollha li tilfu ħajjithom fuq xogħolhom. Il-Kulur Presidenzjali jissimbolizza l-lealtà u d-devozzjoni tal-Forzi Armati lejn il-Kap tal-Istat u l-poplu Malti.

Għad-9.30 ta’ filgħodu, il-Banda tal-Forzi Armati mexxiet lill-parata tal-Forzi Armati fuq quddiem minn quddiem il-binja tal-Parlament sa Pjazza San Ġorġ fejn hemmhekk il-parata ħadet postha biex tagħti s-Salut Nazzjonali, biex imbagħad il-gwardja tal-unur tiġi spezzjonata mill-President ta’ Malta.

Wara wirja mill-Banda tal-Forzi Armati, mmexxija minn Warrant Officer 1, Jonathan Borg, li esegwiet diversi siltiet mużikali popolari bħat-Tieni Valz ta’ Shostakovich u Viva Malta, l-Istandard Presidenzjali ġie ppreżentat lill-Fizzjal inkarigat u hemmhekk il-parata mmarċjat bil-mod u bil-ħeffa f’ringieli distakkati ta’ erbgħa. L-istakkament mbagħad spara l-Feu de Joie wara li avvanzaw in Review Order.

Il-parata ntemmet malli malli l-President ta’ Malta mexxet il-mistednin taċ-Ċeremonja ta’ Ġieħ ir-Repubblika ġewwa l-Palazz u b’hekk il-parata mmarċjat lura lejn il-binja tal-Parlament. Wara l-Parata, it-tfal kellhom iċ-ċans jiġbru l-iskrataċ li ħallew warajhom is-suldati.

Ritratti ta’ Albert Camilleri u DOI