Il-Partit Nazzjonalista jgawdi minn rispett qalb il-membri tal-Partit Popolari Ewropew u dawn qed jappoġġjaw lil Malta fis-sitwazzjoni li tinsab fiha. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fi tmiem is-Summit tal-PPE li sar fi Brussell.
Adrian Delia qal li sab appoġġ mill-kapijiet l-oħra tal-PPE u qal li ħa l-okkażjoni biex Malta jibqa’ jkollha s-sostenn li teħtieġ fl-Ewropea. Huwa qal li kien grazzi għal din irrelazzjoni li rnexxielna nissalvagwardjaw il-pożizzjoni ta’ pajjiżna fis-settur tasservizzi finanzjarji kontra l-mozzjoni tal-Partit Soċjalista Ewropew fil-Parlament Ewropew il-bieraħ.
Adrian Delia qal li dan kien Summit kostruttiv u l-Partit Nazzjonalista ta l-kontribut tiegħu b’mod partikolari fuq it-temi tal-Brexit u tal-immigrazzjoni, żewġ oqsma li jolqtu lil Malta b’mod dirett. F’laqgħa mal-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans, il-Kap talPartit Nazzjonalista tkellem dwar dak li qed jiġri f’Malta bħalissa u l-konsegwenzi li dan kollu jista’ jħalli. Huwa ddeskriva l-laqgħa bħala waħda tajba ħafna fejn flimkien iddiskutew il-mod kif pajjiża qed jidher mill-perspettiva tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu wkoll laqgħa mal-President tal-PPE Joseph Daul fejn flimkien iddiskutew program ta’ koperazzjoni aktar mill-qrib sabiex il-Partit Nazzjonaslita jkun iżjed attiv fi ħdan il-familja tal-Partiti Popolari u biex dawn ikunu jistgħu jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista bi tħejjija għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin.




