L-Imħallef Jacqueline Padovani Grima se tkun qed tisma’ il-kawża ċivili bejn il-Partit Nazzjonalista u l-General Workers’ Union wara akkużi ta’ ksur tal-kuntratt tal-kiri fl-art madwar il-monument tal-ħaddiema.
Il-Qorti Kostituzzjonali, preseduta mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon, ħadet din id-deċiżjoni wara li l-GWU fetħet kawża Kostituzzjonali meta l-Imħallef Jacqueline Padovani Grima ma aċċettax li tirrekuża ruħha mill-każ f’April li għadda.
Il-GWU allegat dubji dwar nuqqas ta’ imparzjalita’ minħabba li l-kawża tal-Partit Nazzjonalista qed titmexxa mill-Avukat Edward Debono, li hu senior partner mad-ditta legali Fenech & Fenech, li magħha jaħdmu qraba tal-istess Imħallef.
Fosthom issemmew Kenneth Grima, li hu senior partner fid-ditta u Rowena Grima li taħdem bħala Prokuratur Legali fil-qasam marittimu tad-ditta. It-tnejn huma aħwa tal-Imħallef Padovani Grima. Anki Ann Fenech, li tmexxi d-ditta bħala Managing Partner u hi l-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN għandha parentela mal-Imħallef Padovani Grima għaliex Ann Fenech tiġi l-mara tal-kuġin tal-mara ta’ Kenneth Grima, li jiġi ħu l-Imħallef.
Sakemm kienet qed tiġi deċiża l-kawża Kostituzzjonali, il-kawża ċivili dwar il-kirja waqfet milli tkompli tinstema’.
//= $special ?>