Lokali

Il-MAM favur l-użu tal-kannabis mediċinali

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija taqbel mal-abbozz ta’ liġi li qed jiġi propost biex f’pajjiżna tiġi introdotta l-kannabis mediċinali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-President Martin Balzan iddeskriva l-abbozz bħala wieħed tajjeb għaliex jimxi ma’ rapport tal-Assoċjazzjoni Medika Dinjija, anzi jdaħħal iżjed restrizzjonijiet biex il-mediċina offruta tkun biss waħda ta’ kwalità.

Il-MAM tagħmilha ċara li l-kannabis mediċinali għandha tintuża biss f’każi eċċezzjonali fejn il-mediċina l-oħra kollha ma jkolliex effett u allura l-pazjent ma jkunx għad fadallu x’jitlef u jagħżel li jieħu dan ir-riskju.

Fl-istess waqt li taqbel mal-abbozz propost, il-MAM tinsab imħassba li jistgħu jitressqu xi emendi li jagħmluha iżjed faċli li wieħed jakkwista l-kannabis għal użu rikreattiv.

Balzan iddikjara wkoll li għal kull kundizzjoni li jissemma’ li għaliha hi tajba l-kannabis mediċinali hawn mediċina alternattiva li hi ttestjata xjentifikament u li dwarha huma magħrufa u ttestjati s-side effects.