Lokali

Il-Partit Nazzjonalista beda jkun u ser ikun aktar qrib in-nies

Il-Partit Nazzjonalista beda jkun u ser ikun aktar qrib in-nies. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fl-ewwel laqgħa li kellu mal-President tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) Joseph Daul dalgħodu fi Brussel qabel is-Summit tal-PPE.

Matul din il-laqgħa saret diskussjoni dwar il-koperazzjoni bejn il-PN u l-PPE bi preparazzjoni għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju 2019 u l-importanza li l-PN jerġa’ jkun aktar qrib in-nies kif kien fil-passat.

Adrian Delia fisser kif sa mill-ewwel ġranet tiegħu bħala Kap tal-PN beda jqarreb lill-Partit aktar lejn in-nies u ġaladarba issa li t-tmexxija tal-Partit qiegħda f’posta dan l-impenn ser jintensifika ruħu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Il-Kap tal-PN fisser kif il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel proposti biex jissaħħu l-istituzzjonijet fil-pajjiż fejn fost l-oħrajn semma  kif għandha tissaħħaħ l-awtonomija tal-Korp tal-Pulizija u l-qasam ġudizzjarju anke permezz ta’ liġi ġdida dwar il-ħatra ta’ Maġistrat Inkwrenti dwar il-Korruzzjoni li jkollu l-poteri legali li jinvestiga. Semma wkoll kif għandu jkun hemm tisħiħ tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-ħtieġa li l-FIAU jkollha l-poter biex tiskrutinizza dak li jseħħ fil-pajjiż.

Adrian Delia żied li l-PN irid li jkun hemm bidu ta’ proċess ta’ bidla fil-governanza tal-pajjiż anke permezz ta’ emendi fil-Kostituzzjoni. Semma kif dan jista’ jsir bi twaqqif ta’ kumitat parlamentari waqt li tibda titlaqqa’ l-konvenzjoni kostituzzjonali biex il-poplu jkollu sehem fit-twettieq tal-bidliet.

Joseh Daul fisser kif mil-laqgħa ħareġ ċar li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista illum għandu idu fuq il-polz gta’ dak li qed iseħħ fil-pajjiż u lest li jkompli jiġġieled il-korruzzjoni fl-istess ħin qed jimpenja ruħu biex ikun aktar qrib in-nies biex in-nies jifhmu aktar il-politika u l-messaġġ pożittiv tal-Partit Nazzjonalista.

Matul din il-laqgħa il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonal tal-PN Roselyn Borg Knight.