Lokali

Iweġġgħu f’inċident tat-traffiku f’Wied il-Għajn

Ambulanza - Ritratt mill-arkivji

Żewġ nisa ta’ 59 u 73 sena weġġgħu f’inċident tat-traffiku dalgħodu f’Wied il-Għajn.

Kien għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħodu, li l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Sant’Anna, Marsaskala minħabba li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku.

Il-Pulizija tad-Distrett marret immedjatament fil-post u rriżulta li żewġ nisa, għal xi raġuni ntlaqtu minn vettura tat-tip Opel Astra li kienet qiegħda tinstaq minn mara ta’ 37 sena, residenti Wied il-Għajn.

Iż-żewġ vittmi li għandhom 59 u 73 sena, it-tnejn ukoll residenti Wied il-Għajn, ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Il-mara ta’ 59 sena weġġgħet ħafif, filwaqt li l-oħra ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.