Il-qawwiet tal-ajru ta’ Iżrael wettqu sensiela ġdida ta’ attakki fuq il-Medda ta’ Gaza, bil-kelliema Iżraeljani jgħidu li ntlaqtu numru ta’ faċilitajiet militari tal-grupp militanti Iżlamiku Hamas. Ingħad li l-qawwiet Iżraeljani laqtu xi kampijiet għal taħriġ flimkien ma’ kumplessi għall-ħażna tal-armamenti tal-istess grupp militanti.
L-attakki saru wara li kienu sparati erba’ rokits minn Gaza lejn l-artijiet ta’ Iżrael.
Il-qawwiet tas-sigurtà Palestinjani qalu li l-ħelikopters tal-Iżraeljani sparaw talanqas 13 il-missila lejn il-faċilitajiet militari tal-Hamas fil-Belt ta’ Gaza kif ukoll f’Khan Younis. Jidher li s-siti tal-Hamas u xi residenzi viċin inqerdu jew almenu ġarrbu l-ħsarat kbar.
Aktar tard, il-militar Iżraeljan ħabbar li kien għalaq żewġ aċċessi mal-fruntiera ta’ Gaza ‘minħabba s-sitwazzjoni tas-sigurtà’. Ma ntqalx għal kemm żmien kienu se jibqgħu magħluqin l-aċċessi ta’ Kerem Shalom u Erez minfejn, fost l-oħrajn, jgħaddu l-kunsinni bl-affarijiet essenzjali lejn il-Medda ta’ Gaza.
Il-vjolenza u t-tensjoni bejn l-Iżraeljani u l-militanti tal-Hamas f’Gaza rrankaw mindu l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ġimgħa ilu, iddikjara l-għarfien (mill-Istati Uniti) ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael.
//= $special ?>

