Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li pajjiżha ‘jinsab fit-triq lejn ir-rizultati’ dwar il-Brexit meta hi tinsab fi Brussell għas-summit tal-UE.
Il-kwistjoni dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-UE mistennija tispikka f’dan is-summit, wara li ribelli Konservattivi fil-House of Commons ta’ Londra kienu għelbu lill-Gvern Britanniku f’vot kruċjali dwar il-Brexit.
Id-deputati f’Londra f’nofs il-ġimgħa appoġġjaw emenda li tagħtihom garanzija legali ta’ vot dwar il-ftehim finali għall-Brexit li jintlaħaq ma’ Brussell. B’konsegwenza ta’ dan, il-Prim Ministru May keċċiet wieħed mir-ribelli, Stephen Hammond, minn Viċi-Chairman tal-Partit Konservattiv fil-Gvern. Intant, May qalet li għalkemm hi tinsab iddiżappuntata bil-vot dwar il-UE Withdrawal Bill, il-leġislazzjoni ‘qed tindika xorta progress sodisfaċenti’.
Din kienet l-ewwel telfa għal May fil-House of Commons kemm ilha Prim Ministru tar-Renju Unit. Madankollu, hemm il-possibbiltà li l-Istati tal-Unjoni Ewropea, waqt is-summit, jiddeċiedu biex jgħaddu għall-fażi li jmiss fil-proċess tal-Brexit u li tista’ tiftaħ għal taħditiet kummerċjali bejn Brussell u Londra.
Filwaqt li l-vot f’Londra ma jtellifx il-proċess tal-Brexit, id-deputati li vvutaw kontra l-Gvern jittamaw li huma jkollhom influwenza akbar fuq il-ftehim finali li għandha tikkonkludi Theresa May mal-Unjoni Ewropea.
Theresa May qalet lill-ġurnalisti fi Brussell li hi u l-mexxejja l-oħra se jiddiskutu ‘is-sħubija speċjali u ambizzjuża’ li hi tixtieq li tibni bejn ir-Renju Unit u l-UE wara l-Brexit.
Fil-fatt, l-aħħar indikazzjonijiet kienu li l-Mexxejja tal-UE huma ‘kważi ċerti’ li jaqblu mat-talba ta’ May biex japprovaw il-ftehim biex in-negozjati dwar il-Brexit jitmexxew għall-fażi li jmiss. It-taħditiet, f’dan il-każ, jistgħu jibdew ix-xahar id-dieħel rigward is- sentejn tranżizzjoni li jrid ir-Renju Unit biex joħroġ mill-UE ladarba l-Brexit jidħol fis-seħħ formalment f’Marzu tal-2019.
Iżda l-UE qed tistenna aktar dettalji mill-Gvern Britanniku qabel jibda t-taħditiet ma’ Londra dwar ir-relazzjonijiet futuri – inklużi tat-tip kummerċjali.
//= $special ?>

