Internazzjonali

Salma Hayek żvelat ‘theddida tal-mewt’ mill-produttur Harvey Weinstein

L-attriċi famuża Salma Hayek fissret lill-produttur u personalità ta’ Hollywood, Harvey Weinstein, bħala ‘mostru maħkum mir-rabja’ — fost allegazzjoni li hu, darba, heddidha b’ħajjitha fi żmien meta kien qed jippersegwitaha b’intenzjoni sesswali.

Hayek kitbet dwar din l-esperjenza fin-New York Times fejn qalet li Weinstein, darba, qalilha li ‘kien lest biex joqtolha’ u biex hi ‘ma temminx li hu ma jasalx għal dan’.

L-iskandlu dwar l-aġir ta’ Harvey Weinstein fil-konfront ta’ persuni rinomati ta’ Hollywood  ħareġ fil-beraħ wara ħafna żmien u heżżeż lil-industrija taċ-ċinema.

Numru kbir ta’ attriċi, fosthom Rose McGowan, Angelina Jolie u Gwyneth Paltrow kollha ħarġu jakkużaw lil Weinstein dwar ‘persekuzzjoni jew aggrediment bi skop sesswali’, bil-produttur qed jiċħad l-allegazzjonijiet kollha fil-konfront tiegħu.

L-allegata theddida li dettaljat Salma Hayek qed jingħad li seħħet meta hi kienet qed tikkollabora ma’ Weinstein fuq il-film Frida tal-2002, b’kelliema għall-produttur Amerikan mhumiex qed jaċċettaw ‘il-versjoni tal-attriċi dwar il-każ’.