Lokali

Sensiela ta’ terrimoti bejn Ragusa u Malta fl-aħħar sigħat

Is-sigħat li għaddew kienu karatterizzati minn diversi terrimoti li seħħew bejn Malta u l-Kanal ta’ Sqallija, b’uħud minnhom li nħassew ukoll minn xi lokalitajiet madwar pajjiżna.

L-iktar wieħed qawwi kellu qawwa ta’ 3.9 li seħħ fis-02:13 bl-epiċentru tiegħu jkun fil-Kanal ta’ Sqallija, nofs triq ma’ Malta u f’fond ta’ madwar 10 kilometri.

Fl-aħħar 15-il siegħa kienu rreġistrati madwar tmien theżżiżiet skont l-Istitut Nazzjonali tal-Ġeoloġija u l-Vulkanoloġija tal-Italja. Erbgħa minn dawn it-theżżiżiet seħħew f’perjodu ta’ siegħa minn dak tas-02:13. Wieħed minn dawn, fit-2:59, kellu qawwa ta’ 3.7.

Iktar kmieni matul il-ġurnata tal-Erbgħa kien hemm tliet theżżiżiet oħra, tnejn minnhom li jaqbżu l-livell ta’ 3.5 fuq l-iskala Richter, li seħħew lejn Ragusa u fil-Kanal ta’ Sqallija.