Internazzjonali

Is-summit fi Brussell: Aċċenn għad-diżgwid dwar il-kwoti tal-immigranti

Il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea bdew jiltaqgħu fi Brussell għal summit ta’ jumejn fejn fost oħrajn qegħdin jispikkaw id-differenzi dwar skema għall-kwoti tal-immigranti għall-Istati membri.

Il-Mexxejja waslu fil-kapitali Belġjana fost polemika dwar kummenti min-naħa ta’ Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew li qed imexxi s-summit, u fejn hu rrefera għall-kwoti tal-immigranti bħala ‘miżura ineffettiva u sors għal diżgwid’.

Dan meta l-aġenda tal-Kunsill Ewropew issejjaħ biex sa Ġunju jintlaħaq ftehim li jorbot lill-Unjoni Ewropea bil-għan li jonqos il-piż fuq l-Istati Mediterranji li qegħdin jiffaċċjaw l-akbar pressjoni mill-immigrazzjoni.

Min-naħa tagħha, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, ħeġġet lill-UE biex turi ‘solidarjetà’ bil-għan li tissolva l-problema. Hi spjegat li s-sistema attwali għall-kenn politiku mhix qed taħdem ‘u li għalhekk tinħtieġ is-solidarjetà fi ħdan l-Unjoni’.

Il-Polonja u pajjiżi oħrajn fl-Ewropa ċentrali – l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja — qed jiċħdu l-politika tal-UE għall-kenn politiku. Dan meta l-Kummissjoni Ewropea ressqet il-każ tal-Polonja, l-Ungerja u r-Repubblika Ċeka quddiem il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja, bit-tliet pajjiżi jirrifjutaw li jaċċettaw l-immigranti li qed ifittxu kenn politiku taħt is-sistema tal-kwoti tal-Unjoni Ewropea. Is-Slovakkja wkoll qed topponi l-kwoti għall-immigranti stabbiliti.

Fl-aġenda ta’ qabel is-summit li Donald Tusk kien bagħat lill-Mexxejja Ewropej, hu deher li kien qed jappoġġja l-oġġezzjonijiet tal-Polonja, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja. Intant, il-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni, Dimitris Avramopoulos fisser il-pożizzjoni ta’ Tusk, eks-Prim Ministru Pollakk, bħala ‘waħda inaċċettabbli u li tmur kontra l-kriterji Ewropej.’

Meta wasal fi Brussell, Tusk qal li l-UE ‘tinsab mifruda bejn il-Punent u l-Lvant’ rigward l-immigrazzjoni u li d-diżgwid qed ikun ikkumplikat minn emozzjonijiet li jfixklu lill-argumenti validi. Hu għalhekk, qal, li l-Istati Ewropej iridu jaħdmu fuq l-għaqda b’mod jerġa’ aktar estensiv u effettiv.

Il-Kummissjoni Ewropea fasslet skema mandatorja għar-rilokazzjoni ta’ 160,000 refuġjat – Sirjani u Eritrej – mill-Italja u l-Greċja lejn pajjiżi oħra tal-UE. Iżda s’issa huma biss xi 32,000 refuġjati li spiċċaw ittrasferiti.

L-Unjoni Ewropea għadha qed tiffaċċja l-konsegwenzi tal-kriżi tal-immigranti tal-2015 meta ħafna refuġjati tal-gwerer fis-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan fittxew il-kenn fl-Ewropa. Id-dgħajjes kontinwi, mgħobbijin bl-immigranti, li qasmu mill-Mediterran żiedu sew l-il-piż fuq ir-riżorsi tal-Italja u l-Greċja, iżda l-influss tal-immigranti naqas din is-sena wara li l-UE żiedet il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet fil-Libja u t-Turkija.

Il-Prim Ministru Taljan Paolo Gentiloni kien qed iħejji, fi Brussell, biex jiddiskuti l-isfida tal-immigrazzjoni mal-mexxejja Ewropej li huma l-akbar kritiċi tal-kwoti. Mistenni, imbagħad, it-28 Stati-membri jippruvaw isibu qbil u ‘fatturi komuni dwar il-politika għall-kenn politiku’.

L-Italja u l-Ġermanja huma fost il-pajjiżi li jridu l-kwoti mandatorji li jippermettu għar-rilokazzjoni tal-immigranti fi żmenijiet ta’ spinta għall-immigrazzjoni lejn l-UE.