Fil-Qorti bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra żewġ Libjani, li qed ikunu akkużati bil-qtil ta’ Libjan ieħor f’Birkirkara. Il-każ seħħ fis-sigħat bikrin tas-26 ta’ Novembru meta, waqt argument fi Triq Bwieraq, Fourzi Farj Etwaish ta’ 40 sena qala’ daqtejn ta’ sikkina u tilef ħajtu ftit wara li ddaħħal l-Isptar Mater Dei.
Il-Qorti, fil-preżenza taż-żewġ aħwa Libjani akkużati bil-qtil, semgħet ukoll kif dak il-lejl stess, raġel b’aċċent Għarbi ċempel lid-Dipartiment tal-Emerġenza għall-Ambulanza, bl-Infermiera qalet lill-Pulizija li għalkemm ma setgħetx tifhem sew lil min ċempel, fit-telefonata ssemmew daqqiet ta’ sikkina.
Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur James Grech żied li malli l-Pulizija marru fil-post, sabu traċċi ta’ demm fl-entratura tad-dar, fit-taraġ u fil-kċina fl-ewwel sular. Qal ukoll li barra r-residenza kien hemm ilma ħamrani, li jindika li s-suspettati aktarx ippruvaw jaħslu t-traċċi tad-demm qabel waslu l-Pulizija.
Il-vittma kien qed jgħix mal-aħwa meta seħħ l-argument li wassal għall-qtil. Jirriżulta li fil-lejl ta’ meta seħħ l-argument, il-vittma u ż-żgħir mill-aħwa ħarġu jixorbu flimkien, tant li rritornaw lura d-dar fis-sakra. Kien ftit aktar tard li qam l-argument.
//= $special ?>
