Futbol Sport

FILMAT: Bejn għada u t-Tnejn jibda t-tieni rawnd tal-Kampjonat BOV Premier

Id-disinn il-ġdid tat-trofew tal-kampjonat BOV Premier (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Wara l-finali tas-Super Cup fost il-ġimgħa, fi tmiem il-ġimgħa jirritorna l-Kampjonat BOV Premier bil-bidu tat-tieni rawnd, li fil-format tal-kampjonat din is-sena, hu l-aħħar wieħed.

Għada fil-Hibernians Stadium fis-2.00pm Senglea Athletic jilagħbu kontra Sliema Wanderers. Senglea jridu jibnu fuq l-aħħar logħba wara li kisbu l-ewwel rebħa taħt il-kowċ Paolo Favaretto filwaqt li Sliema, spiċċaw 1-1 kontra Mosta fl-aħħar logħba. Il-konfront tal-ewwel rawnd spiċċa 2-2.

Warajhom Valletta jittamaw li jirritornaw għar-rebħ b’konfront kontra Mosta. Il-Beltin għalqu l-ewwel rawnd fuq nota negattiva b’telfa ta’ 2-1 kontra Gżira United, filwaqt li Mosta jridu jibnu fuq il-15-il punt li kisbu fl-ewwel rawnd.

Fis-2.00pm iżda fil-Victor Tedesco Stadium, Naxxar Lions jippruvaw iwaqqfu lil Balzan. Naxxar ġejjin minn telfa ta’ 2-1 kontra Senglea filwaqt li Balzan kisbu rebħa lejn it-tmiem biex għelbu lil Hibernians 1-0. Din il-partita se tara lill-kowċ ta’ Naxxar Oliver Spiteri kontra l-eks tim tiegħu.

Ħamrun Spartans se jfittxu li jibdew it-tieni rawnd kif fetħu l-istaġun, b’rebħa fuq Tarxien Rainbows. Il-Ħamruniżi tilfu l-aħħar logħba 1-0 kontra Birkirkara, iżda Tarxien irritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil St. Andrews f’konfront dirett u għalhekk mistennija joffru sfida denja.

Il-Ħadd jintlagħbu żewġ logħbiet. Fis-2.00pm St. Andrews jilagħbu kontra Hibernians. It-tnejn ġejjin minn telfa, iżda l-pressjoni tinsab aktar fuq Hibernians, wara li fost il-ġimgħa tilfu wkoll fis-Super Cup. Preżentament, iċ-champions jinsabu fil-ħames post, sitt punti taħt il-leaders Balzan u żgur ma jistgħux jitilfu dan il-konfront. St. Andrews fl-aħħar logħba kellhom lil Michael Woods jagħmel id-debutt, u minkejja li kien hemm xi titjib, St. Andrews xorta ħarġu fuq in-naħa telliefa. Għal Woods dan se jkun ukoll konfront kontra tim li fil-passat kien kowċ tiegħu.

Il-logħba tal-ġimgħa tintlagħab fl-4.00pm bejn Floriana u Birkirkara. Mill-konfront tal-ewwel rawnd, iż-żewġ timijiet bidlu l-kowċ tagħhom għal raġunijiet differenti. Floriana kisbu rebħa ta’ 6-0 kontra Lija, fl-ewwel logħba uffiċjali bħala kowċ għal Nicolas Chiesa, u l-Erbgħa li għadda rebħu s-Super Cup kontra Hibernians. Birkirkara għalqu l-ewwel rawnd fuq nota pożittiva b’rebħa fuq Ħamrun, f’dak li kien rawnd diffiċli għalihom u jittamaw f’rebħa importanti li ttihom ċans biex jisfidaw għall-post fl-Ewropa.

L-14-il ġurnata tagħlaq it-Tnejn bil-konfront bejn Gżira United u Lija Athletic. Il-Maroons ġejjin minn rebħa fuq Valletta li biha jinsabu punti ndaqs mal-Beltin fit-tieni post. Lija għadhom f’qiegħ il-klassifika u fl-aħħar ħarġa tagħhom, tilfu kontra Floriana.

L-allokazzjoni tal-partitarji

Għada

Hibernians Stadium

Side A – Senglea Athletic u Valletta

Side C – Sliema Wanderers u Mosta

Victor Tedesco Stadium

Side A – Naxxar Lions u Ħamrun Spartans

Side C – Balzan u Tarxien Rainbows

Il-Ħadd

Stadium Nazzjonali

West A – Hibernians u Birkirkara

West C – St. Andrews u Floriana

Millenium F – Family and Nursery Stand

It-Tnejn

Centenary Stadium

Side A – Gżira United

Side C – Lija Athletic