Lokali

FILMAT: Kampanja ta’ għarfien kontra x-xorb u s-sewqan

Fil-Belt Valletta tqassmu testijiet tal-breathlyser b’xejn għall-pubbliku hekk kif qed tkompli tintensifika kampanja ta’ għarfien dwar l-importanza li min se jixrob fil-festi, ma jsuqx.

Il-kampanja ta’ għarfien qed titmexxa mill-Malta Road Safety Council fi ħdan Transport Malta. Inizjattiva mill-2013 li ġġib flimkien numru ta’ entitajiet differenti li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà fit-triq… fosthom Transport Malta, il-Malta Red Cross, il-Pulizija, u d-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa.

Kif jispjega Pierre Vella, il-Manager Eżekuttiv tal-Kunsill. “L-għan tal-Malta Road Saftey Council huwa l-edukazzjoni primarjament. Bħala Kunsill għandna entitajiet minn diversi assoċjazzjonijiet u dipartimenti tal-Gvern – dawn kollha niltaqgħu u nitkellmu dwar id-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom biex nipprovaw inkunu ħolistiċi dwar il-proposti li nagħmlu,” spjega Pierre Vella.

Filfatt, kien il-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq li kien ħa l-inizjattiva biex jimbotta ‘l quddiem numru ta’ inizjattivi – fosthom is-sistema tal-punti, iż-żieda fil-multi għal min juża l-mobile waqt li jsuq, u r-regoli ġodda dwar il-limitu ta’ kemm wieħed jista’ jikkonsma alkoħol jekk se jsuq.

Fl-attività fil-Belt Valletta tqassam materjal ta’ għarfien, fosthom breathlyser tests – apparat li jista’ jibqa’ jinġabar b’xejn mill-pubbliku mill-uffiċini ta’ Transport Malta.

Fl-attività ħareġ l-importanza li kulħadd jibqa’ jżomm f’moħħu, matul is-sena kollha, l-importanza li ma jixrobx jekk se jsuq.

“Din l-attività, naħseb aħna fl-opinjoni tagħna għandha ssir is-sena kollha. Veru li f’dan iż-żmien ta’ festi kulħadd jabbuża xi ftit mil-lat ta’ xorb. Aħna bħala Kunsill dejjem inħeġġu lin-nies li jekk se tixrob, il-karozza ħalliha hemm,” qal Pierre Vella.