Il-Ġappun impona s-sanzjonijiet ġodda kontra l-Korea ta’ Fuq bħala parti mill-impenn ta’ Tokjo biex tiżdied il-pressjoni fuq ir-reġim fi Pyongyang, b’konnessjoni mal-programmi missilistiċi u nukleari tal-Istat komunista.
Is-Segretarju Ewlieni tal-Kabinett Ġappuniż, Yoshihide Suga, qal li qed ikunu ffriżati ‘l-assi ta’ 19 il-individwu u entitajiet oħra’. Dan ifisser li ‘qed jinkwadraw fis-sanzjonijiet ‘il fuq minn 210 organizzazzjoni u nies minn pajjiżi li jinkludu ċ-Ċina u r-Russja’.
L-interessi fuq il-lista s-sewda ( tas-sanzjonijiet) jinkludu banek, negozjanti fl-oqsma tal-faħam u l-minerali, flimkien ma’ kumpanniji tat-trasport.
L-impenn ġdid mill-Ġappun fil-konfront tar-reġim ta’ Kim Jong-un kien ikkonfermat meta l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kien qed iħejji għal laqgħa.
Il-Ġappun jinsisti li qed jiffaċċja ‘livell ta’ theddida mingħajr preċedent’ wara li l-Korea komunista, f’Settembru, sparat missila ballistika interkontinentali (bħala prova) minn fuq it-territorju Ġappuniż. Yoshihide Suga fakkar li l-missila kienet niżlet fiz-zona ekonomika esklussiva għall-Ġappun u li Pyongyang ‘għadu jirrepeti kliem provokattiv’.
Il-Ġappun kien diġà qed jimponi r-restrizzjonijiet stretti għall-Korea ta’ Fuq fosthom il-projbizzjoni netta għall-kummerċ u għall-bastimenti tal-Istat komunista li jridu jieqfu fil-portijiet Ġappuniżi.
//= $special ?>


