Lokali

Il-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mistennija tibda nhar it-Tnejn li ġej

Il-Kumpilazzjoni mistennija tibda nhar it-Tnejn li ġej wara li kien hemm talba għar-rekuża, li ġie milqugħa, tal-maġistrat Donatella Frendo Dimech

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea mistennija tibda nhar it-Tnejn li ġej 18 ta’ Diċembru.

Il-Maġistrat Charmaine Galea ntgħażlet biex tisma’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra tliet persuni akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Charmaine Galea telgħet bil-polza l-Ħamis filgħaxija wara li l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech aċċettat li ma tismax il-każ hi peress li aktar minn tletin sena ilu kienet fil-klassi ma’ oħt Daphne Caruana Galizia u peress li riċentament, tat il-kondoljanzi wara li sar magħruf il-qtil ta’ Caruana Galizia.

Kienet il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech stess li fil-bidu tal-proċess tal-kumpilazzjoni infurmat lill-akkużati dwar dan kollu. Il-Ħamis, it-tliet avukati tal-għajnuna legali li ġew appuntati biex jiddefendu lill-akkużati, talbu biex tinbidel il-Maġistrat, skont huma, biex il-ġustizzja mhux biss issir iżda tidher li qed issir.

It-talba saret filgħodu hekk kif kien se jibda l-proċess tal-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Vice Muscat magħruf bħala l-Koħħu, Alfred Degiorgio magħruf bħala l-Fulu u George Degiorgio magħruf bħala Iċ-Ċiniż. Wara xi ħin ta’ deliberazzjoni, il-Maġistrat infurmat li kienet qed tilqa’ t-talba biex tirrekuża ruħha mill-każ.

Aktar tard il-Ħamis waranofsinhar telgħet bil-polza l-Maġistrat Charmaine Galea. Galea nħatret Maġistrat fl-14 ta’ Ġunju 2013. Magħha kienu nħatru wkoll il-Maġistrat Aaron Bugeja u l-Imħallef Antonio Mizzi.

Sadanittant, mhux magħruf jekk id-difiża hux se terġa’ titlob ir-rekuża – din id-darba tal-Maġistrat Charmaine Galea – peress li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kitbet dwarha għal iktar minn darba.