Il-mafja ta’ Sqallija kienet tinsab fi tħejjijiet avvanzati sabiex titrasferixxi parti kbira tal-operazzjoni kriminali lejn Malta. Dan ħareġ minn investigazzjoni li qed titmexxa mill-Imħallef Salvatore De Luca, u li ġiet irrapurtata minn diversi ġurnali Taljani aktar kmieni din il-ġimgħa.
Jirriżulta li l-mafja f’Palermo qed tbiddel il-mudell ta’ kif taħdem, u mhux qed tirriskja aktar li tibqa’ titlob flus b’theddid. Issa Cosa Nostra qed tgħafas aktar fuq negozju li jagħti inqas fl-għajn – fosthom imħatri fuq il-korsi taż-żwiemel. Fiċ-ċentru tal-attenzjoni hemm il-korsa popolari ‘Favorita’ ta’ Palermo.
Iżda Salvatore De Luca, li hu wkoll il-Prokuratur li qed imexxi l-investigazzjoni anti-mafja, żvela kif minn Sqallija, il-mafja qed titfa’ għajnejha fuq Malta. Il-pajn kien illi titwaqqaf kumpanija tal-gaming illi permezz tagħha jkunu qed jinħaslu l-flus li jiġu minn attivitajiet kriminali. Dan ikun qed joħloq struttura aktar “professjonali” u tnaqqas iċ-ċans illi tintuża vjolenza fiżika mill-clan mafjuż.
Wara numru ta’ raids li saru f’Palermo l-ġimgħa li għaddiet, il-Pulizija fi Sqallija arrestat 25 persuna b’rabtiet mal-mafja.
“Il-mafja issa qed tipponta biss fuq l-imħatri, il-gaming u d-droga. Daqshekk estorsjoni u theddid fiżiku”, sostna l-Imħallef De Luca.
//= $special ?>