Lokali

Il-PN japprova mozzjoni dwar ix-xoljiment uffiċjali tal-ftehim li ħoloq il-Forza Nazzjonali

Il-mozzjoni ġiet approvata b'mod unanimu waqt laqgħa tal-Eżekuttiv illejla

F’deċiżjoni meħuda waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, il-Partit Nazzjonalista iddikjara li l-Forza Nazzjonali hija xolta u li kull forma ta’ koperazzjoni ma’ rappreżentanti tal-Partit Demokratiku ssir biss skont il-każ, u każ b’każ.

Il-mozzjoni kienet approvata b’mod unanimu waqt il-laqgħa tal-Eżekuttiv li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista illejla.

F’mozzjoni mressqa mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli u ssekondata mill-Uffiċjali u l-membri kollha tal-Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, intqal li din il-mozzjoni qed tiġi preżentata peress li fl-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju 2017, il-Forza Nazzjonali ma rebħitx il-maġġoranza neċessarja biex tifforma Gvern kif intenzjonat.

Il-ftehim bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku kien ġie ffirmat qabel l-elezzjoni ġenerali, ftehim li permezz tiegħu setgħet ġiet preżentata lista ta’ kandidati komuni għall-elezzjoni ġenerali bil-għan li sussegwentament jiġi ffurmat Gvern li jieħu d-deċiżjonijiet fl-interess nazzjonali.

Il-Partit Nazzjonalista, fil-mozzjoni tiegħu, qal li ladarba l-Forza Nazzjonali ma rebħitx il-maġġoranza fl-elezzjoni ġenerali, għaldaqstant qed ikun iddikjarat li l-Forza Nazzjonali hija xolta.