Internazzjonali

Il-President tal-Peru jirreżisti l-pressjoni biex jitlaq

 

Il-President tal-Perù, Pedro Pablo Kuczynski qal li mhux se jirriżenja, minkejja li żdiedet il-pressjoni fuqu biex jitlaq, b’konnessjoni ma’ allegata korruzzjoni li tinvolvi kumpanija ewlenija tal-kostruzzjoni.

Waqt diskors li xxandar lill-poplu tal-Perù, Kuczynski, li kien akkumpanjat mill-membri tal-Kabinett tiegħu, ċaħad għall-allegazzjonijiet ta’ imġiba illegali min-naħa tiegħu.

Dan meta l-kumpanija Odebrecht, li qed tissemma fir-rigward ta’ diversi skandli, qalet li hi kienet ħallset lil Kuczynski l-ekwivalenti ta’ erba’ miljun ewro ‘għal servizzi ta’ konsulenza’, fi żmien meta hu kien qed jaqdi rwol governattiv ieħor.

Il-pagamenti ta’ Odebrecht kienu saru lill-kumpanija Westfield Capital Ltd li l-proprjetarju tagħha hu Kuczynski. Min-naħa tiegħu, il-President tal-Perù qal li filwaqt li l-kumpanija kienet ‘tiegħu’, hu ried jagħmilha ċara ‘li ma kienx il-manager tal-istess entità fiż-żmien meta rċeviet il-pagamenti’.

Sadattant, il-Kapijiet tal-Oppożizzjoni fil-Perù qegħdin jinsistu li l-President jirriżenja minħabba l-kwistjoni.

Il-kumpanija Odebrecht, is-sena l-oħra, kienet immultata biljuni ta’ dollari mill-Istati Uniti talli xaħħmet lill-uffiċjali ta’ diversi pajjiżi. Skont il-każ imressaq kontra l-kumpanija, ‘il-pagamenti dwar il-konsulenza bbażati fuq frodi’ kienu fost il-metodi li użat dik il-kumpannija għat-tixħim u xiri ta’ uffiċjali.

L-eksPresident tal-kumpanija, Marcelo Odebrecht (li qed jiskonta l-ħabs fil-Brażil u li qabel biex jikkoopera mal-investigaturi) qed jgħid li Pedro Pablo Kuczynski kien tqabbad bħala konsulent fil-Perù madwar għaxar snin ilu, meta hu kien għadu l-Ministru għall-Ekonomija.