Rapport fl-Awstralja, imħejji mir-Royal Commission into Institutional Responses to Child Abuse, ħeġġeġ biex il-pajjiż jintroduċi liġi li ġġiegħel lill-kapijiet reliġjużi jirrappurtaw każi fejn it-tfal jispiċċaw abbużati. Dan, skont ir-rapport, għandu japplika wkoll għall-qassisin Kattoliċi li jisimgħu dwar dawn il-każi tal-abbuż waqt il-qrar.
Ir-rapport – jew dokument ta’ 17 il-volum – tar-Royal Commission jikkonkludi waħda mill-akbar inkjesti, fuq livell internazzjonali, dwar l-abbuż tat-tfal, iżda għandha tkun l-awtorità governattiva li tiddeċiedi jekk timplimentax ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi.
Sadanittant, l-Arċisqof ta’ Melbourne, Denis Hart, qal li liġi li taffettwa s-sagrament tal-qrar skont ir-rakkomandazzjoni tal-kummissjoni għandha ddgħajjef element ċentrali tal-Kattoliċiżmu – f’dan il-każ il-qdusija tal-qrar. L-Arċisqof wissa li kwalunkwe saċerdot li jikser is-sigriet tal-qrar għandu jkun skomunikat mill-knisja.
Il-kummissjoni, fi stqarrija, qalet li l-investigazzjoni ta’ ħames snin sabet ‘ħafna nuqqasijiet persistenti mill-istituzzjonijiet biex iħarsu lit-tfal, flimkien ma’ kultura ta’ segretezza u cover-ups.’ Kienu anki indikati l-effetti devastanti tal-abbuż sesswali fuq it-tfal li jinħassu ‘il quddiem fil-ħajja tal-individwu.
Ir-rapport jiddettalja għexieren ta’ eluf ta’ tfal vittmi u jgħid li l-każ ma kienx dovut biss għal numru żgħir ta’ nies li abbużaw mill-pożizzjoni tagħhom; tant li l-investigaturi jistgħu ma jsiru jafu qatt il-veru ammont tal-persuni li abbużaw lit-tfal vulnerabbli.
L-investigazzjoni tar-Royal Commission ibbażat fuq organizzazzjonijiet reliġjużi, govermentali, edukattivi u professjonali. Intant, kien hemm ukoll ħafna rakkonti li jallegaw ħabi tal-abbuż fi ħdan il-Knisja Kattolika tal-Awstralja, fosthom allegati trasferimenti ta’ qassisin suspettati dwar abbuż minn parroċċa għall-oħra.
Ir-rapport sostna li l-membri tal-kleru li jisimgħu b’każi ta’ abbuż mingħand il-vittmi waqt il-qrar għandhom ikunu ‘rikjesti bil-liġi li jirrappurtawhom’.
Dan waqt li r-rapport isejjaħ biex il-Knisja Kattolika tagħmel iċ-ċelibat ħaġa volontarja għall-kleru, fost l-osservanza li ċ-ċelibat ‘jikkontribwixxi għall-abbuż tat-tfal’.
Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof Hart qal li ‘filwaqt li f’każi bħal dawn, hu iħoss sens ta’ konflitt qawwi, hu ma jistax jikser is-sigriet tal-qrar’. Filwaqt li rrefera għall-piena tal-eskomunikazzjoni f’każ fejn saċerdot jikser ‘il-patt spiritwali’, hu saħaq dwar ‘din il-parti tal-identità tiegħu bħala membru tal-Knisja anki jekk irid josserva l-liġi tal-pajjiż’.
Ir-rapport sejjaħ ukoll għat-twaqqif ta’ Uffiċċju Nazzjonali għas-Sigurtà tat-Tfal u sett ta’ kriterji, fuq bażi nazzjonali, għal child safety; ir-rappurtaġġ tal-abbuż tat-tfal u ż-żamma ta’ rekords li jkopru lill-istituzzjonijiet kollha involuti f’impenji u proġetti relatati mat-tfal.
Tkellem ukoll il-Prim Ministru Awstraljan, Malcolm Turnbull, li sostna li din l-investigazzjoni ‘esponiet traġedja nazzjonali’ u li l-Gvern tal-Awstralja għandu jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u jwieġeb bis-sħiħ dwarhom, is-sena d-dieħla.
//= $special ?>

