Futbol Sport

Pietà jsaħħu t-tieni post

Chiedozie jfalli t-tieni penalty tal-logħba (Ritratt: Jose Fitzpatrick)

PIETÀ H ………………………… 3

ZABBAR SP …………………… 1

Pietà: M. Montfort, C. Degabriele, J. Ruiz Perez, C. Grech, J. Ishaya Irimiya, Q. Bregman, R. Grixti (C. Gauci 82’), N. Pace Cocks, L. Chiedozie (G. Mensah 82’), J. Busuttil (N. Pisani 94’), A. Mizzi.

Żabbar: J. Grech, A. Pulis, K. Borg, D. Micallef (C. Camilleri 46’), C. Stewart (A. Agius 81’), K. Sacco, C. Magro, D. Aquilina (A. Azzopardi 61’), S. Diacono, S. Cesare, K. Cutajar.

Referee: Shawn Calleja

Pietà saħħew it-tieni pożizzjoni tagħhom meta għelbu lil Żabbar 3-1 biex kisbu l-ħames rebħa konsekuttiva. Pieta kienu superjuri u setgħu rebħu bi skor ferm ikbar, iżda ż-Żabbarin għandhom il-mertu li baqgħu jissieltu sal-aħħar tisfira.

Bidu tajjeb miż-żewġ naħat li bdew jilagħbu b’ritmu għoli u azzjonijiet veloċi. Kurt Borg resaq qrib għal Żabbar fl-ewwel minuti filwaqt li Pietà kellhom diversi azzjonijiet bl-iktar waħda perikoluża tkun fit-22 minuta meta Busuttil qassam lejn Pace Cocks li kien imċaħħad minn Grech.

Man-nofs siegħa l-istess Grech wettaq save ieħor tajjeb biex salva fuq Chiedozie. Fit-38 minuta Pieta fetħu l-iskor meta Chiedozie daħal tajjeb fil-kaxxa fejn waqa’ wara kuntatt ma’ Sacco, bir-referee jordna l-penalty li minn l-istess CHIEDOZIE ma żbaljax.

Pietà komplew jattakkaw u t-taqsima ntemmet b’xutt mill-isbaħ ta’ Neil Pace Cocks li għadda ftit ċentimetri fuq il-mimduda.

Pietà ħarġu ferm aggressivi fit-tieni taqsima u fallew diversi ċansijiet ta’ skor fl-ewwel minuti sakemm fis-56 minuta kien QUINCY BREGMAN li skorja b’xutt sabiħ minn tarf il-kaxxa wara li dar tajjeb ma’ difensur.

Pietà komplew ifallu ċansijiet ta’ skor biex fit-73 minuta Żabbar fetħu l-logħba meta KURT BORG sfrutta żball kbir fid-difiża ta’ Pietà u għeleb lil Montfort b’xutt sabiħ. Fit-79 minuta Pieta ngħataw it-tieni penalty meta Clayton Camilleri mess il-ballun b’idu, iżda mill-11-il metru Chiedozie spara ferm għoli.

Fil-ħin miżjud is-sostitut GABRIEL MENSAH għalaq finalment il-logħba meta qabeż anki lill-gowlkiper qabel xeħet f’lasta vojta.