Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Pressjoni żejda fuq il-media indipendenti hi inaċċettabbli

M’għandu qatt ikun f’periklu l-aċċess għall-informazzjoni mill-media – Zammit Dimech

“Il-prezzjoni żejda magħmula minn Pilatus Bank fuq il-media indipendenti f’Malta biex jikkontrolla l-kontenut ippubblikat online hi inaċċettabbli u ma tirrispettax id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Dan għaliex il-libertà tal-espressjoni li jirreferi għaliha r-rapport dwar iċ-ċittadinanza Ewropea u d-drittijiet taċ-ċittadini, tinkludi wkoll id-dritt li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-informazzjoni.” Dan qalu l-MEP Francis Zammit Dimech meta kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar iċ-ċittadinanza Ewropea u d-drittijiet taċ-ċittadini, waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Hu qal li hemm rabta qawwija bejn iċ-ċittadinanza Ewropea u li nissalvagwardjaw id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Hu sostna li ċ-ċittadini Ewropej għandhom iserrħu rashom mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li qed jissalvagwardjawlhom id-drittijiet fundamentali.

Zammit Dimech irrefera għall-proċess biex id-drittijiet taċ-ċittadini jkunu eżaminati, u qal li dan hu eżerċizzju importanti, speċjalment fil-kuntest li din is-sena qed niċċelebraw il-25 sena minn meta ċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea ġiet rikonoxxuta fit-Trattat ta’ Maastricht. Fost temi oħra, r-rapport jirriferi wkoll għad-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej f’dak li għandu x’jaqsam max-xogħol, l-edukazzjoni u l-ivjaġġar.

Matul l-aħħar jiem, ġie rrappurtat li The Malta Independent neħħiet intervista mal-whistleblower Maria Efimova wara pressjoni minn Pilatus Bank. L-istess whistleblower kkonfermaw il-kontenut ta’ din l-intervista waqt laqgħa mal-MEPs nhar it-Tnejn li għadda.