Internazzjonali

Is-summit tal-UE: Qbil dwar il-fażi li jmiss tal-Brexit

Il-Mexxejja tal-UE qablu biex imexxu t-taħditiet dwar il-Brexit għat-tieni fażi, iżda huma – qabel ikkonkludew is-summit ta’ jumejn fi Brussell – sejħu biex ir-Renju Unit jagħmel aktar ċari l-intenzjonijiet tiegħu għall-futur.

It-taħditiet, wara s-summit, għandhom javvanzaw lejn it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u Brussell għat-tul taż-żmien. Intant, l-ewwel issue li għandha tkun diskussa fil-bidu tas-sena l-ġdida għandha tinvolvi t-termini tal-fażi tranżizzjonali mistennija ( fuq sentejn) ladarba r-Renju Unit joħroġ mill-UE f’Marzu tal-2019.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, li qed tiffaċċja żmien diffiċli fil-Parlament ta’ Londra, laqgħet b’sodisfazzjon il-konferma mill-Mexxejja tal-UE bħala ‘pass importanti lejn il-ħruġ ordnat ta’ pajjiżha mill-Unjoni u li jevita l-intoppi’.

Madankollu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qed iwissi li n-negozjati ma’ Londra se jkunu ‘sinifikament aktar iebsa’, minn issa ‘il quddiem.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, sostna li s-27 Mexxejja tal-UE kienu sodisfatti li jistgħu javvanzaw ‘għat-tieni fażi tal-Brexit’ wara l-laqgħat fi Brussell.

Hu kongratula lil Theresa May ‘għal dan il-mument ewlieni fil-proċess tal-Brexit – bil-Prim Ministru tar-Renju Unit tawgura li n-naħat javviċinaw il-fażi li jmiss tan-negozjati ( li jiddeterminaw ir-relazzjoni fit-tul bejn Londra u l-UE) ‘b’mod ambizzjuż u kreattiv’.

L-UE ippubblikat il-linji gwida għat-tieni fażi tan-negozjati, bid-diskussjonijiet dwar il-kooperazzjoni ekonomika futura mhumiex mistennija li jibdew qabel Marzu.

Iżda l-membri tal-UE, issa, jistgħu jibdew it-taħditiet interni dwar ir-relazzjoni futura mar-Renju Unit, bl-Uffiċċju tal-Prim Ministru May jinsab kuntent bir-riżultat.

Intant, ir-Renju Unit se jibqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u jeħtieġ li jippermetti l-moviment ħieles fi kwalunkwe żmien tat-tranżizzjoni.

Il-ftehim dwar il-fruntiera Irlandiża, l-ispiża ‘tad-divorzju’ u d-drittijiet taċ-ċittadini Britanniċi u tal-UE, li qablet dwarhom Theresa May, iridu jkunu ‘rispettati bis-sħiħ waqt li tradotti fedelment f’termini legali mill-aktar fis possibbli’. May ma kenitx preżenti meta s-27 mexxejja l-oħra tal-UE, ilbieraħ, komplew jiddiskutu l-Brexit u z-zona ewro.

Theresa May, nhar it-Tlieta, se tiddiskuti l-viżjoni tar-Renju Unit ‘barra l-UE’ waqt laqgħa tal-Kabinett f’Londra u wara li hi, jiem ilu, sofriet l-ewwel disfatta waqt vot dwar il-Brexit fil-House of Commons.

Intant, il-Mexxejja tal-UE naqsu li jaqblu dwar il-politika għall-immigrazzjoni fis-summit ta’ Brussell, bil-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, tgħid li l-UE għamlet ċerta progress biex tipproteġi l-fruntieri esterni, partikularment bis-saħħa tal-ftehim mat-Turkija u l-kooperazzjoni mal-Libja. Hi innutat li l-Istati tal-UE għandhom juru solidarjetà ma’ xulxin wara snin bla qbil dwar issues relatati mal-problemi tar-refuġjati.