Lokali

Twissija mill-MFSA – Falcon Financial Management MHIX reġistrata f’Malta

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) wissiet dwar entità li topera bl-isem ta’ Falcon Financial Management, u li għandha preżenza fuq l-Internet u li, skont informazzjoni disponibbli lill-MFSA, jidher li qed toffri investimenti u/jew servizzi finanzjarji oħra lill-konsumaturi.

Minkejja li Falcon Financial Management tindika li qed topera minn Aragon House Business Centre, Triq Dragonara, San Ġiljan, Malta, l-MFSA hi infurmata li Falcon Financial Management m’għandha l-ebda preżenza f’dak l-indirizz imsemmi.

L-MFSA tixtieq twissi lill-pubbliku li Falcon Financial Management MHIX reġistrata f’Malta u lanqas mhi entità liċenzjata jew awtorizzata b’xi mod ieħor mill-MFSA biex tipprovdi xi servizzi finanzjarji u li għalihom jeħtieġu liċenzja jew xi forma ta’ awtorizzazzjoni oħra skont illiġi Maltija.

L-MFSA tappella lill-investituri u konsumaturi tas-servizzi finanzjarji biex qabel ma jagħmlu kwanlunkwe investiment jew jidħlu f’xi forma ta’ transazzjoni ta’ servizz finanzjarju, jaċċertaw lilhom infushom li l-entità li magħha qed isir l-investiment jew it-transazzjoni hija awtorizzata li tipprovdi dawk is-servizzi mill-MFSA jew minn xi regolatur ieħor tas-servizzi finanzjarji kif applikabbli.

Lista ta’ entitajiet liċenzjati mill-MFSA hija disponibbli mingħand l-MFSA u tista’ tiġi aċċessata minn fuq is-sit uffiċjali tal-MFSA.