Internazzjonali

Approvata l-koalizzjoni fl-Awstrija

Il-President tal-Awstrija, Alexander Van der Bellen approva l-Gvern ta’ koalizzjoni Awstrijak magħmul mill-Partit tal-Poplu konservattiv u l-Partit tal-Ħelsien estremista tal-lemin.

Il-konferma hi partikularment sinifikanti meta l-Awstrija saret l-unika Stat Ewropew tal-Punent li l-Gvern tiegħu qed jinkludi partit estremista tal-lemin li hu oppost għall-immigrazzjoni u l-Unjoni Ewropea.

Filwaqt li ż-żewġ partiti kienu ggvernaw lill-Awstrija flimkien, bejn l-2000 u l-2005, il-Kap tal-Partit tal-Poplu, Sebastian Kurz, fl-età ta’ 31 sena, għandu jsir l-iżgħar kap ta’ Gvern fid-dinja.

Ma ngħatawx dettalji dwar il-programm tal-Gvern iżda mistenni li diversi rwoli ministerjali importanti se jingħataw lill-Partit tal-Ħelsien bħala parti mill-ftehim.

Sadanittant, il-President Van der Bellen qal li l-Gvern ġdid fi Vjenna ‘jaċċertah’ minn politika favur l-Unjoni Ewropea, flimkien ma’ impenn kontinwu għall-konvenzjoni Ewropea favur id-drittijiet umani.

L-elezzjoni tal-15 ta’ Ottubru, fl-Awstrija, naqset milli tipproduċi riżultat konkret u konklussiv. Il-kampanja elettorali kienet iddominata mill-kriżi tal-immigrazzjoni fl-Ewropa,u li l-Partit tal-Ħelsien, immexxi minn Heinz-Christian Strache, ilu jipprova jagħmel kapital politiku minnha.

Sadanittant, Sebastian Kurz  kien ipprova jappella lill-votanti konservattivi u tal-lemin bil-wiegħdiet li jagħlaq ir-rotot tal-immigranti lejn l-Ewropa, minbarra li jillimita l-benefiċċji għar-refuġjati fl-Awstrija. Hu anki impenja ruħu biex l-immigranti fil-pajjiż ma jingħatawx il-benefiċċji qabel huma jkunu għexu fl-Awstrija għal ħames snin.

Madankollu Kurz, issa, wiegħed li jifforma Gvern ‘li hu favur l-Unjoni Ewropea’ minkejja li l-Partit tal-Ħelsien, bħala s-sieħeb fil-koalizzjoni, jibqa’ magħruf għall-element qawwi ta’ Ewroxettiċiżmu.