Daphne Caruana Galizia ġiet mogħtija l-unur ta’ Deutscher Reporterpreis għall-ġurnaliżmu investigattiv mir-Reporter Forum f’Berlin, il-Ġermanja. Il-preżentazzjoni ta’ dan l-unur saret f’ċerimonja din il-ġimgħa u li għaliha attendew aktar minn 300 reporter u edituri minn ġurnali Ġermaniżi bħal Die Zeit, Der Spiegel, Frankfurter Allgemeine Zeitung, Suddeutsche Zeitung u oħrajn.
F’diskors tal-okkażjoni il-ġurnalista Gunter Wallraff faħħar ix-xogħol ta’ Daphne Caruana Galizia u qal li Daphne kienet maħbuba min-nies ordinarji għaliex fittxet il-verità.
Aktar kmieni intwera filmat ta’ intervisti li Daphne Caruana Galizia kienet tat lil reporters Ġermaniżi filwaqt li kien hemm spjega tax-xogħol li għamlet il-ġurnalista. Intwera wkoll filmat tal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament Ewropew jiddeskrivi r-rapporti ta’ Daphne Caruana Galizia dwar Egrant bħala Fake News bin-narratur jgħid li kien biss erba’ xhur wara li Daphne Caruana Galizia nqatlet.
Il-preżentatur tas-serata Claus Kleber ħabbar ukoll li se tinħoloq borża ta’ studju għall-produzzjoni ta’ feature ad unur ta’ Daphne Caruana Galizia u x-xogħolijiet tagħha.
//= $special ?>


