Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq teħtieġ turi rieda ġenwina qabel djalogu

 

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Rex Tillerson, qal li il-Korea ta’ Fuq ‘trid taħdem u turi intenzjoni ġenwina’ biex tkun aċċettata lura madwar il-mejda tan-negozjati u fejn, imbagħad, jista’ jibda djalogu bejn ir-rappreżentanti ta’ Pyongyang u l-Istati Uniti.

Tillerson enfasizza li r-reġim Korean komunista jeħtieġ ‘isostni programm li jaċċerta tmiem il-provi (tiegħu) għall-armamenti’ qabel jistgħu jsiru t-taħditiet.

Il-pożizzjoni tas-Segretarju Amerikan hi ferm differenti mill-kummenti li għadda l-istess Tillerson, ftit jiem ilu, fejn qal li ‘l-Istati Uniti kienet lesta biex titkellem fi kwalunkwe żmien li l-Korea ta’ Fuq tista’ tkun lesta għal djalogu’. Din ir-rimarka kienet miċħuda minnufih mill-kelliema għall-White House, f’Washington.

Il-Korea ta’ Fuq, din is-sena, wettqet numru ta’ provi nukleari u għall-missili ballistiċi bi sfida għall-komunità internazzjonali u irrispettivament mill-kundanna ta’ diversi pajjiżi u s-sanzjonijiet fil-konfront ta’ Pyongyang.