Lokali Qorti

Il-permessi u l-iżvilupp dwar sit fil-Baħrija huma legali

Il-Qorti taqbel mal-argumenti miġjuba mill-avukat Victor Scerri u l-mara tiegħu

L-Assoċjazzjoni Ramblers tilfet kawża kontra l-avukat Victor Scerri, martu Marthese Said, u l-Awtorita’ dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) – dan meta fl-2010 l-assoċjazzjoni ambjentali kienet allegat li sar żvilupp illegali f’Wied il-Marga, fil-limiti tal-Baħrija.

Fil-Qorti, l-Assoċjazzjoni Ramblers qalet li din iż-żona fil-Baħrija tgawdi minn protezzjoni għolja minħabba l-importanza ekoloġika, xjentifika u arkeoloġika. Filfatt, l-assoċjazzjoni talbet lill-Imħallef Joseph Zammit McKeon sabiex twaqqaf lill-avukat Victor Scerri u martu Marthese Said milli jwettqu żvilupp fis-sit – u jerġgħu jġibu fl-istat li kien is-sit fil-Baħrija, filwaqt li tiddikjara li x-xogħolijiet li saru kienu kollha illegali.

Madanakollu, l-Qorti ma qablitx ma’ dawn l-argumenti li għamlet l-Assoċjazzjoni Ramblers – dan hekk kif qalet li l-MEPA, lura fl-2009, imxiet skont l-obbligi tagħha u approvat il-permessi b’mod legali.

L-Imħallef Zammit McKeon qabel mal-argumenti mressqa mill-avukat Victor Scerri u Marthese Said, li l-allegazzjonijiet tal-Assoċjazzjoni Ramblers huma infondati u ma tressqet l-ebda evidenza li kienet kapaċi tikkonvinċi li x-xogħol sar illegalment – fejn il-Qorti kkonfermat li l-permessi ġew approvati u l-iżvilupp tas-sit fil-Baħrija sar kollox skont il-liġi.