George Cassar
NAXXAR L…………………..0
BALZAN……………………….0
Naxxar Lions irnexxielhom jiksbu punt meritat minn fuq it-tim tal-ewwel post Balzan f’partita mingħajr gowls.
Kienet il-grinta tal-plejers Naxxarin li wasslithom għal dan ir-riżultat hekk kif kienu tattikament dixxiplinati tul il-partita kollha speċjalment fid-difiża.
Dan minkejja li fl-ewwel nofs siegħa l-kowċ Naxxari Oliver Spiteri kien sfurzat jagħmel żewġ bidliet wara li weġġgħu Ryan Grech u Yuri Messias b’tal-aħħar kellu anki jittieħed bl-ambulanza wara li qala’ spalltu.
Għal Spiteri kien żgur vantaġġ il-fatt li jaf ħafna mill-plejers avversarji li magħhom ħadem fl-aħħar tliet staġuni.
Balzan żammew l-ewwel post iżda issa ppermettew lil Valletta u Gżira United li jersqu iktar qrib tagħhom. Minkejja li l-pussess u l-konklużjonijiet kienu kważi kollha tagħhom, il-Balzanin ma kinux kapaċi jsarrfu din is-superjorità f’gowls u b’hekk waqqgħu żewġ punti li għad jibkuhom.
Alfred Effiong kellu ċ-ċans li jiftaħ l-iskor wara kwarta meta l-ħarba veloċi tiegħu ġabitu mal-gowlkiper Naxxari Christoph Nicht, iżda kkonkluda ftit ċentimetri barra b’xutt imkaxkar.
Balzan bdew bil-gowlkiper Sean Mintoff minflok dak regolari Ivan Janjusevic li weġġa’ fl-aħħar partita kontra Hibernians. L-eksgowlkiper ta’ Rabat kien impenjat biss b’xutt ta’ Yuri Messias li rnexxielu jilqgħu tajjeb.
Ħames minuti qabel intemmet l-ewwel taqsima Bojan Kaljevic kien żmarkat f’nofs il-kaxxa u x-xutt tiegħu kien salvat tajjeb mill-Awstrijak Nicht.
Fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima Balzan appellaw għal penalty meta s-sostitut żagħżugħ Joel Ellul deher li niżżel il-ballun b’idu fil-kaxxa iżda għar-referì Philip Farrugia kollox kien regolari.
Fit-tieni taqsima l-kowċ ta’ Balzan Marko Micovic tefa’ lil Kaljevic max-xellug u poġġa lil Effiong bħala l-attakkant ċentrali. L-internazzjonali Malti falla ċans tajjeb ftit wara s-siegħa logħob meta spiċċa waħda wara freekick minn fuq ix-xellug iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu ma spiċċatx fix-xibka. Ftit wara, ix-xutt mill-viċin ta’ Lecaò ntlaqa’ tajjeb minn Nicht.
Għaxar minuti mit-tmiem Effiong deher li kien inwaqqaf milli jkompli javvanza qrib il-kaxxa l-kbira minn Ndoye bir-referì Farrugia jammonixxi lill-attakkant ta’ Balzan għal simulazzjoni.
Fl-aħħar minuta Paul Fenech kellu ċ-ċans li jagħti d-daqqa mortali lit-tim ta’ raħal twelidu iżda dam jaħsibha wisq quddiem Nicht u ċ-ċans inħela biex l-iskor baqa’ ma nbidel qatt.
//= $special ?>