Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER – Rebħa mqanżħa għal Ħamrun

George Cassar

ĦAMRUN S………………………….2
TARXIEN R…………………………..1

Ħamrun Spartans kisbu rebħa fuq Tarxien Rainbows minkejja li ma impressjonawx wisq. Wara li marru fil-vantaġġ fl-ewwel taqsima u rduppjaw fil-bidu tat-tieni waħda, l-Ispartans donnhom irrilassaw xi ftit, tant li r-Rainbows kellhom iktar mil-logħob fit-tieni taqsima, skurjaw gowl u ħallew il-partita inċerta sal-aħħar.

B’din ir-rebħa l-Ħamruniżi issa resqu biss punt taħt Sliema Wanderers u Hibernians b’dawn tal-aħħar iridu jilagħbu llum kontra St. Andrews. Fil-partita tal-bieraħ Ħamrun kienu mmexxija mill-assistent kowċ Ryan Pulis wara li l-kowċ Jacques Scerri kien indispost.

Wara għoxrin minuta Ħamrun marru minn fuq b’gowl jixbaħ lil dak li ġimagħtejn ilu kkwalifikaw bih fl-FA Trophy kontra Gżira United. Minn freekick minn fuq ix-xellug ta’ Thiago Espindola, id-difensur ċentrali TIAGO Souza xellef il-ballun għal ġox-xibka b’daqqa ta’ ras.

Għaxar minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima l-Ispartans wessgħu l-marġni għal żewġ gowls meta t-Taljan Marco CRIACO rċieva ballun tajjeb, iċċentra u b’xutt imkaxkar għadda l-ballun bejn id-difiża Tarxiniża għal ġor-rokna xellugija tal-gowlkiper Antonio Chetcuti.

Tarxien, immexxija minn Jose Borg, ma kinux demoralizzati u għal ħafna mit-tieni taqsima ma ħallewx lill-gowlkiper avversarju Steve Sultana kwiet. Huma marru ferm qrib b’żewġ xuttijiet ta’ Ricardo Faria bit-tieni wieħed joħroġ l-aħjar tal-gowlkiper Għawdxi ta’ Ħamrun li tar tajjeb u dawwar f’korner.

Fit-78 minuta, minn azzjoni li bdiet minn korner, Christian Zaccardo ġie ġġudikat li ġibed lil Ebiabowei Baker fil-kaxxa u r-referì Matthew Degabriele saffar għal penalty. Ricardo FARIA dawwar il-penalty f’gowl biex reġa’ daħħal lil Tarxien fil-logħba.

Qrib id-disgħin minuta l-assistent kowċ ta’ Tarxien Brian Chetcuti tkeċċa minn fuq il-bank wara li deher jargumenta mar-raba’ uffiċjal Fyodor Zammit.

Fil-ħin mogħti żejjed Matar Dieye kellu ċ-ċans li jġib l-iskor indaqs iżda minkejja li l-gowlkiper Sultana kien barra minn postu xeħet barra minn pożizzjoni ideali.