Stewart Said
MOSTA……………….0
VALLETTA…………1
Gowl kmieni fil-logħba kien biżżejjed biex Valletta jirritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Mosta 1-0. Valletta sabuha diffiċli biex jimpostaw il-logħob tagħhom, b’Mosta joffru sfida denja fejn qasmu l-logħob għal ħafna mill-ħinijiet.
Il-Mostin kellhom partita tajba tant li rnexxielhom irażżnu lil Valletta, u kien biss gowl kmieni li ċaħħadhom minn punt li kien ikun mistħoqq.
Il-kowċ Zoran Popovic kellu jibdel il-formazzjoni minħabba numru ta’ assenzi. Nicky Vella beda flok Henry Bonello bejn il-lasta, Steve Borg kien sospiż b’Juan Cruz Gill u Michael Mifsud ikunu neqsin ukoll.
Johann Scicluna beda bi tliet difensuri ċentrali biex b’Kurt Magro quddiem id-difiża jipprova jagħlaq l-ispazji f’nofs il-grawnd, filwaqt li joperaw bil-kontrattakki.
Valletta fetħu tajjeb u marru minn fuq wara biss erba’ minuti meta Piciollo qassam lejn Denni ROCHA DOS SANTOS li minn pożizzjoni ċentrali xxuttja fil-baxx, bil-konklużjoni tkun mxellfa u qarrqet b’Vella.
Ir-risposta ta’ Mosta waslet fit-23 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ David Nworah li laqat il-mimduda.
Tmien minuti wara, Mosta reġgħu marru viċin b’azzjoni tajba fuq il-lemin ta’ Ekani li krossja għan-nofs lejn Godwin Blessing li kkonkluda mill-ewwel, iżda Nicky Vella b’rifless tajjeb irnexxielu jsalva gowl ċert.
Il-bidu tat-tieni taqsima żammet l-istess ritmu b’Mosta jkunu aktar avventurużi iżda ż-żewġ timijiet ma ħolqux periklu serju.
Kien fis-66 minuta li Mosta ħolqu periklu, b’Rodriguez Ekani jirċievi kross mix-xellug fil-kaxxa, u b’finta ġibed fuq ix-xellug iżda x-xutt fil-baxx kien salvat tajjeb minn Vella.
Valletta marru qrib it-tieni gowl żewġ minuti wara f’azzjoni maħduma tajba b’Malano jqassam bit-takkuna lejn Rocha dos Santos li prova b’xutt mill-ewwel minn barra l-kaxxa, iżda Andreas Vella dawwar tajjeb f’korner. Mill-korner sussegwenti d-daqqa ta’ ras ta’ Saleh għaddiet barra.
Ċans ieħor tad-deheb għal Valletta fil-71 minuta b’Matteo Piciollo jqassam fl-ispazju lejn is-sostitut Santiago Malano, iżda minn pożizzjoni tajba ra x-xutt fil-baxx tiegħu jkun salvat minn Vella.
Fl-aħħar minuti, Mosta żiedu l-pressjoni u tefgħu lil Valletta aktar fuq id-difiża. Fit-88 minuta, Thomas Veronese mar qrib għal Mosta b’xutt b’saħħtu mil-lemin, iżda l-ballun man-naħa ta’ barra tax-xibka.
//= $special ?>