Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER – Wirja brillanti ta’ Senglea ġġib fix-xejn lil Sliema

Stewart Said

SENGLEA A……………3
SLIEMA W…………….0

Senglea Athletic kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta b’wirja tajba għelbu lil Sliema Wanderers 3-0 biex komplew jitbiegħu miż-żona tar-relegazzjoni. Prestazzjoni pożittiva mit-tim ta’ Favaretto li kien organizzat, dixxiplinat u ċiniku biex ikkontrolla lill-avversarji.

It-tim kollu kellu logħba tajba iżda spikkaw fost l-oħrajn Terence Vella u Peter Paul Sammut filwaqt li Matias Garzia u Gonzalo Virano kienu tajjeb f’nofs il-grawnd. Bidla sfurzata għall-kowċ Paolo Favaretto li beda b’Ivan Paz flok l-imweġġa’ Hubert Vella li weġġa’ kmieni matul il-ġimgħa.

Sliema ddiżappuntaw fejn żgur li l-gowl kmieni ħasadhom, iżda minkejja li kellhom il-logħba f’idejhom ma kinux kapaċi jinfdu lid-difiża avversarja bi ftit azzjonijiet perikolużi.

Sliema kienu perikolużi wara żewġ minuti b’daqqa ta’ ras ta’ Biancardi li għaddiet fuq il-lasta. Tmien minuti logħob u Senglea fetħu l-iskor. Kien Terence VELLA li b’azzjoni personali minn fuq il-lemin ġibed lejn in-nofs u deher li krossja fil-baxx bil-ballun ma jintmiss minn ħadd u qarraq b’Glenn Zammit.

Ir-reazzjoni ta’ Sliema waslet fis-27 minuta bi kross ta’ Ryan Spiteri fil-kaxxa, il-ballun spiċċa għand Jefferson de Assis li prova b’xutt djagonali li kien imdawwar f’korner. Żewġ minuti wara, Sliema kellhom azzjoni oħra perikoluża bi kross mil-lemin ta’ Mintoff li sab lil Ryan Spiteri, iżda x-xutt fil-baxx tiegħu kien ċentrali wisq u Farrugia salva mingħajr problemi.

Il-logħba żiedet aktar fit-tensjoni b’daħliet xejn kumplimentużi li għamlet il-logħba aktar missielta. L-aħħar ċans ta’ Sliema fit-taqsima wasal ftit qabel it-tmiem b’xutt ta’ Nicolae Milinceanu li ġie salvat mingħajr ma żamm minn Farrugia.

Senglea rnexxielhom jirduppjaw fl-ewwel azzjoni tat-taqsima. Kien PETER PAUL SAMMUT li seraq ballun minn mal-linja mingħand John Mintoff, qassam lejn Nicola Palmieri li rritornalu l-ballun, b’Sammut jegħleb lil Glenn Zammit minn pożizzjoni angolati b’xutt għar-rokna.

Sliema resqu qrib li jnaqqsu d-distakk fis-56 minuta meta minn kross ta’ Muchardi, Milinceanu antiċipa lil Farrugia bir-ras, iżda bil-ballun destinat li jidħol fix-xibka, Jonathan Bondin salva tajjeb qabel il-ballun qabeż il-linja.

Fit-72 minuta, Mark Scerri prova b’żewġ konklużjonijiet f’żewġ azzjonijiet separati, iżda Matthew Farrugia kien attent u salva fiż-żewġ okkażjonijiet. Iżda kienu Senglea li fl-azzjoni sussegwenti skorjaw it-tielet gowl.

Kien passaġġ traskurat għan-nofs ta’ Edmond Agius, b’Peter Paul Sammut jantiċipa lil Biancardi fil-kaxxa u jitwaqqa’, bir-referee Farrugia Cann jordna penalty. Mill-11-il metru Terence VELLA għeleb lil Zammit b’xutt ċentrali.

Peter Paul Sammut reġa’ mar viċin li jiskorja fit-83 minuta, iżda Zammit salva tajjeb mill-viċin, biex ftit wara Farrugia salva tajjeb fuq Muchardi.