L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jistenna li fi żmien il-festi, jiġifieri bejn it-22 u l-31 ta’ Diċembru, jilqa’ madwar 123,000 passiġġier, bl-iktar jumejn popolari jkunu t-23 u t-30 tax-xahar.
Filfatt dawn il-jumejn mistennija jattiraw 14,000 passiġġier f’kull ġurnata, hekk kif ħafna jkunu qed jirritornaw lura lejn pajjiżna għall-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Fid-dawl ta’ dan, l-MIA qed jappella lil dawk li se jsiefru f’dan iż-żmien biex ikunu fit-terminal rispettiv mill-inqas sagħtejn qabel it-titjira bil-passiġġieri li se jgawdu minn atmosfera festiva, u saħansitra se jkollhom l-opportunità li jduqu diversi speċjalitajiet lokali.
Matul ix-xahar qed ikunu organizzati wkoll numru ta’ attivitajiet u logħob għat-tfal waqt li min jixtri minn ħwienet fid-Departures Lounge jista’ jgawdi minn servizz b’xejn ta’ wrapping hekk kif għal dan l-għan twaqqaf stazzjon f’Gate 3.
Madankollu min ikollu rigali li se jinġarru fil-hand luggage m’għandux jagħmillhom wrapping għaliex l-uffiċjali tas-sigurtà jaf jitolbu li jiġi ċċekkjat il-kontenut. Jiġu kkonfiskati wkoll ġugarelli u rigali li huma imitazzjoni ta’ armi. Mhux permess lanqas il-ġarr ta’ ikel f’forma likwida li jaqbeż il-100ml.
Sadattant persuni li mhux se jsiefru xorta waħda jistgħu jgawdu mill-Christmas Kids’ Club, programm ta’ 11-il ġurnata li jiftaħ fit-22 ta’ Diċembru, fil-food court.
//= $special ?>

