Lokali

Nistennew il-veritá… il-veritá kollha

Il-grupp Occupy Justice illum fakkar ix-xaharejn mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia inqatlet fis-sittax ta’ Ottubru f’karozza bomba.

Din il-kommemorazzjoni bdiet b’quddiesa fil-Bidnija u wara mixja sal-għalqa fejn spiċċat Daphne Caruana Galizia bl-impatt tal-bomba. Il-nies li attendew ġabu magħhom ponsietta li tqegħdu f’forma ta’ punt interrogattiv. Dan filwaqt li l-grupp qed jistaqsi min u għaliex seħħ dak li seħħ.

Numru ta’ persuni xegħlu ukoll xemgħat li tqegħdu hdejn il-bandiera Maltija. Spikkaw ukoll żewġ banners li fuqhom espremew il-mottiv tagħhom kif ukoll l-ahhar kliem tal-ġurnalista; ‘The Situation is Desperate’.

F’għeluq dawn ix-xaharejn f’diversi postijiet madwar Malta ittellgħu banners bil-messaġġ ‘Irridu l-verita’, il-verita kollha’.

Intant nhar it-Tnejn mistennija tibda l-kumpilazzjoni fil-Qorti tat-tliet persuni akkużati bil-qtil tal-ġurnalista. Is-smiegħ tal-kumpilazzjoni mistenni li jibda fid-disgħa ta’ filgħodu quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea wara li telgħat bil-polza biex issegwi l-każ hi. Oriġinarjament l-każ kellu jinstemà quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li iżda l-avukat difensur talab għar-rekuża tagħha.