Il-koalizzjoni konservattiva fil-Gvern, immexxija mill-Prim Ministru tal-Awstralja Malcolm Turnbull, qed tiċċelebra r-rebħa tal-kandidat John Alexander fil-by-election ta’ Bennelong li spiċċa f’disfatta kbira għall-kandidat Laburista. Kristina Keneally.
Bennelong hu sobborg ta’ Sydney u riżultat kuntrarju għal Alexander fil-by-election seta’ itellef il-koalizzjoni fil-Gvern mill-maġġoranza minima fil-Parlament.
John Alexander, ġimgħat ilu, kien warrab minn deputat parlamentari għal Bennelong, fost il-kriżi dwar iċ-ċittadinanza doppja li ssarrfet fir-riżenja ta’ disa’ deputati Awstraljani. U li kieku Alexander, tal-koalizzjoni Liberali-Nazzjonali, kellu jitlef il-by-election, il-Gvern Awstraljan kien jispiċċa jiddependi mill-appoġġ ta’ ħames indipendenti biex imexxi l-programm tiegħu.
Intant, Malcolm Turnbull qal li r-rebħa ta’ Alexander kienet turija ċara ta’ appoġġ għall-politika tal-koalizzjoni u din kienet realizzata ‘minkejja li (Alexander) kien spiċċa mira għal kull gidba li setgħu jivvintaw il-Laburisti’. Min-naħa tiegħu, John Alexander qal li din ir-rebħa għandha sservi biex issostni l-għaqda fil-Koalizzjoni, bir-riżultat qed jagħti nifs ġdid lill-Prim Ministru Turnbull.
//= $special ?>

