Futbol Sport

SERIE A – Udinese jagħtu l-ewwel telfa lil Inter

Kontra kull mistenni Inter sofrew l-ewwel telfa fil-kampjonat meta f’darhom sfaw megħluba bi skor ta’ 3-1 kontra Udinese. Dan kien riżultat mill-aqwa għal Udinese li qabel il-logħba kienu tilfu l-aħħar ħames konfronti kontra Inter.

Kienu Udinese li marru fil-vantaġġ fl-14-il minuta meta Santon tilef ballun mal-ġenb u Widmer approfitta minn dan l-iżball u qassam lejn LASAGNA li daħal bħal sajjetta u skurja l-ewwel gowl.

Minuta wara Inter ġabu d-draw u kien is-solitu ICARDI li sab ix-xibka mill-viċin wara li rċieva cross mill-aqwa mingħand Candreva.

Mas-siegħa logħob Udinese ngħataw penalty wara li r-referee Mariani kkonsulta l-VAR. Widmer kien tefa’ cross u l-ballun ħabat ma’ id Santon u mill-11-il metru RODRIGO DE PAUL għeleb lil Handanovic.

Hekk kif Inter bdew jagħmlu minn kollox biex iġibu d-draw kontra attakk ta’ Udinese wassal biex BARAK skurja gowl ieħor għal skor finali ta’ 3-1.