Rugby Sport

Falcons jaċċertaw mir-rebħa fl-ewwel taqsima

Azzjoni waqt attakk ta' Falcons (Ritratt: Zara Ameen)

Falcons għalqu s-sena fuq nota pożittiva b’rebħa ta’ 29-15 fuq Kavallieri fil-MeDirect Group Cup, f’dik li kienet l-ewwel logħba bejniethom dan l-istaġun. Ir-riħ kien fattur importanti fil-logħba b’Kavallieri jonqsu jieħdu vantaġġ fl-ewwel taqsima. Falcons irnexxielhom jiskorjaw tliet tries fl-ewwel taqsima biex kisbu vantaġġ komdu fl-ewwel taqsima u setgħu jamministraw il-logħba.

L-ewwel try ta’ Falcons wasal minn Ryan Borg li rnexxielu wkoll jersaq aktar lejn in-nofs, biex Julian Galea seta’ jagħmel il-conversion. Falcons komplew ikabbru l-vantaġġ fl-azzjoni sussegwenti b’Liam Scicluna jidħol tajjeb fid-difiża avversarja u qassam lil Gabriel Scicluna li skorja minn mal-linji.

Kavallieri pruvaw jidħlu fil-logħba iżda ma bdewx jużaw it-tattika tal-blalen fit-tul biex jersqu aktar minħabba li kellhom ir-riħ favurihom. Dan wassal biex Falcons baqgħu kompatti u rnexxielhom ikabbru l-vantaġġ għal 17-0. Julian Galea beda l-azzjoni tat-try li jmiss, qassam fuq il-blindside lejn Daniel Holliday li kompla lejn Gabriel Scicluna, bil-ballun jispiċċa għand Aaron Borg li skorja fil-kantuniera.

Kavallieri skorjaw l-ewwel try tagħhom permezz ta’ Andrei Lungo, iżda l-conversion mogħti minn Dalton ma sarx, b’Liam Sciberras jingħata karta safra għal 10 minuti. Falcons irnexxielhom jagħlqu t-taqsima bi try ieħor din id-darba ta’ Holliday biex daħlu jistrieħu 22-5 minn fuq.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, Falcons komplew ikabbru l-iskor b’azzjoni personali ta’ Aaron Borg li skorja t-tieni try tiegħu, b’Bjorn Micallef jagħmel il-conversion għal 29-5.

Il-logħba naqset mir-ritmu, anki għal fatt li kien hemm diversi bidliet kif ukoll il-logħob twaqqaf minħabba xi injuries. Kavallieri rnexxielhom jagħmlu l-iskor rispettabbli l-ewwel bi try ta’ Hincu u Branton Bonello skorja l-aħħar try tal-logħba wara li rnexxielu jgħaddu minn bejn il-forwards ta’ Falcons.

Referee: Sean Doublesin

Tags