Ejja jkollna fiduċja fina nfusna li bl-aġenda tagħna nistgħu nbiddlu lil pajjiżna mill-ġdid u li nerġgħu noffru t-tama. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan f’diskors waqt attività politika fil-każin ta’ Ħal Balzan, b’referenza għall-mozzjoni li ġiet approvata b’mod unanimu fl-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex il-ftehim li ħoloq il-Forza Nazzjonali jkun iddikjarat xolt.
“Għandu jkollna l-kredenza, it-twemmin fina nfusna. Mhux għax bravi u għax nafu kollox, imma għax nemmnu f’dak li jagħmilna ‘Partit Nazzjonalista’ ta’ veru. U allura ejja ma nibżgħux ngħidu min aħna. Ejja ma nibżgħux ngħidu minn xiex għaddejna. Ejja ma nibżgħux ngħidu x’għamilna għal dan il-pajjiż. Ejja ma nibżgħux niftaħru fejn għamilna s-setturi kollha tal-ekonomija li qed iġibu l-ġid fil-pajjiż illum. Ejja jkollna l-kuraġġ ngħidu fejn żbaljajna, ngħidu ‘mea culpa’. Jkollna l-kuraġġ tat-twemmin tagħna, ikollna l-umiltà tal-iżbalji… imma fuq kollox il-kuraġġ u t-tama ta’ dak li nistgħu nsiru u nagħmlu lil pajjiżna”.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar l-għaqda fil-partit u nnota li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex partit totalitarju. Iżda wara kull diskussjoni, jkun jeħtieġ li l-Partit Nazzjonalista jippreżenta ruħu b’messaġġ wieħed, b’vuċi waħda u b’direzzjoni ċara.
“Aħna għandna l-obbligu bħala partit li nisimgħu ta’ kuljum, li niġu ta’ kuljum, li naraw ta’ kuljum x’inhuma l-aktar affarijiet importanti għan-nies u ta’ kuljum irridu nkunu kapaċi niddiskutu kemm hemm bżonn, nargumentaw kemm hemm bżonn u nħabbtu l-ideat kemm hemm bżonn. Imma imbagħad, noħorġu nitkellmu b’vuċi waħda.
F’dan is-sens, hu appella lin-nies biex jaraw li dawk li jirrappreżentawhom fil-Parlament iwasslu l-messaġġ tan-nies, u mhux tagħhom personali.
Dwar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jkun partit pożittiv u Oppożizzjoni b’saħħitha.
“Mil-lum irridu nibdew nemmnu, mil-lum, li kapaċi nkunu aħna li għal darb’oħra, għat-tielet darba, inbiddlu l-pajjiżna mill-ġdid. Nerġgħu nibnu mhux biss l-istituzzjonijiet, imma nerġgħu noffru t-tama. Għax jekk Gvern korrott kapaċi joħloq il-ġid, Gvern nadif kapaċi joħloq ħafna iktar… kapaċi jagħti lura Malta lil Maltin, kapaċi jerġa’ jiżra t-tama, kapaċi jagħti l-opportunità lil uliedna, kapaċi nippjanaw il-futur ta’ Malta flimkien – għax Malta verament jixirqilha partit serju, partit nadif, partit li jemmen f’pajjiżna”.
Waqt li sostna l-impenn li jibqa’ jiġri wara kull persuna li tbiegħdet mill-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia temm jiddikjara li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed juri li kapaċi jiddisinja u joħlom biex għada pit għada jibni pajjiż aħjar.
Id-diskors sħiħ tal-Kap tal-PN Adrian Delia
Id-diskorsi tal-Viċi Kapijiet tal-PN
//= $special ?>FILMAT: “Għandu jkun il-PN li jfassal l-aġenda tiegħu” – Il-Viċi Kapijiet tal-PN