Lokali

FILMAT: “Għandu jkun il-PN li jfassal l-aġenda tiegħu” – Il-Viċi Kapijiet tal-PN

“Il-Partit Nazzjonalista għandu jkun hu li jfassal l-aġenda tiegħu, u mhux ħaddieħor”. Kien dan il-messaġġ tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament David Agius meta kien qed jindirizza attività politika f’Ħal Balzan.

Hu kien qed jitkellem b’referenza għall-mozzjoni li ġiet approvata b’mod unanimu fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, fejn il-ftehim li ħoloq il-Forza Nazzjonali ġie ddikajrat xolt.

“Spiċċa l-argument tal-konfużjoni għaliex aħna għandna vuċi waħda, bandiera waħda u Kap wieħed tal-Partit Nazzjonalista. Aħna għandna fiduċja fina nfusna u fil-Partit Nazzjonalista, u għalhekk rridu nkunu aħna li nagħmlu u li nfasslu l-aġenda, u mhux ħaddieħor,” qal David Agius. “Ma ħaddieħor nikkoperaw każ b’każ. Lil ħaddieħor nuruh ir-rispett li jixraq. Iżda l-aġenda tagħna nagħmluha aħna,” żied jgħid.

David Agius tkellem dwar il-ħidma fil-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat u xhur, fosthom il-maratona suċċess u l-ħidma tal-MEPs tal-Partit Nazzjonalista biex jiddefendu lil Malta ħalli ma tibdix tkun meqjusa bħala ‘tax haven’.

Qal ukoll li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista qabel li għandha ssir emenda għall-mozzjoni dwar il-Park tal-Majjistral, fejn il-Partit Nazzjonalista se jitlob lill-Gvern biex jaqbel li għandu jkun hemm soluzzjoni li tinstab bejn il-partijiet kollha, jiġifieri soluzzjoni bbażata fuq id-djalogu.

Fl-istess attività politika tkellem ukoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Robert Arrigo, li tkellem dwar l-ewwel ġimgħat ta’ ħidma u xhur taħt it-tmexxija l-ġdida ta’ Adrian Delia.

“Diffiċli li wieħed jagħti fiduċja li xi ħadd li ma jkunx jaf. Illum nafu wara xahar. Inħossni komdu ħafna naħdem miegħu, itini l-ispazju kollu biex naħdem miegħu. Jafdak biex taħdem miegħu, jisimgħak biex taħdem miegħu. Ma nistax insib Kap aħjar milli sibt f’Adrian Delia,” ddikjara Robert Arrigo.

Dwar l-idea differenti fi ħdan il-Grupp Parlamentari, Robert Arrigo qal li jkun hemm ħafna diskussjonijiet – anke diskussjonijiet jaħarqu – għax kulħadd għandu dritt jgħid li jħoss. Iżda żied ifakkar li fl-aħħar mill-aħħar kulħadd irid iżomm f’moħħu li l-unika alleanza li għandu jkollna hi lejn il-bandiera tal-Partit Nazzjonalista.

Waqt li tenna l-impenn li għandu jkun il-Partit Nazzjonalista biss li jagħmel l-aġenda tiegħu stess, Robert Arrigo qal li flimkien biss nistgħu nilqgħu għall-isfidi li ġejjin – u t-triq li għandu jaqbad il-Partit Nazzjonalista hija triq ta’ ‘new way in the right way’.

Temm iħabbar li s-sena d-dieħla se jkunu qed jiġu mnedija numru ta’ proġetti ġodda għall-Partit Nazzjonalista b’impenn biex il-partit jagħmel suċċess.

Ara d-diskorsi sħaħ

Id-diskors tal-Kap tal-PN Adrian Delia

FILMAT: “Ejja jkollna fiduċja fina nfusna biex noffru tama ġdida għal pajjiż” – Adrian Delia