Il-Ġimgħa l-1 ta’ Diċembru, fiċ-Ċentru Kulturali Ċittadella, ġiet inawgurata wirja mtella’ mill-istudenti tal-ħames sena li jattendu l-iskola Gozo Collage Skola Primarja tar-Rabat Għawdex magħrufa bħala l-Happy School.
Il-wirja, bl-isem ta’ Legends with Legs, hija riżultat ta’ proġett li għamlu l-istess tfal fix-xhur li għaddew u li kien approvat u ffinanzjat mill-fond Kreattiv fi ħdan il-Kunsill Malti tal-Arti.
Il-proġett sar f’kuntest differenti milli s-soltu t-tfal jaħdmu fih. L-għan kien li l-istudenti jesprimu ruħhom permezz tal-arti f’ambjent mingħajr kotba, imwejjed u siġġijiet, mingħajr uniformi jew daqq ta’ qanpiena. It-tfal kellhom l-opportunita’ li jiskopru tliet leġġendi Għawdxin u li huma mbagħad jgħadduhom lil oħrajn permezz tat-tpinġija, il-mużika u d-drama. Il-workshops saru fil-Visual Performing Arts School ix-Xewkija.
L-edukaturi li mexxew dan il-proġett u li ħafna minnhom huma ġenituri ta’ tfal li jattendu l-istess skola, għażlu tliet leġġendi Għawdxin u kitbuhom b’Ingliż mexxej u addattat għall-udjenzi żgħar. Il-leġġendi magħżula huma ta’ Sansuna, tal-Gawgaw u ta’ Atlantis.
Kull ma sar fit-tliet workshops ġie dokumentat permezz ta’ filmati. Eventwalment ġie prodott filmat qasir marbut max-xogħol li sar f’kull grupp u dan intwera dakinhar tal-inawgurazzjoni tal-proġett flimkien ma’ disa’ biċċiet tal-arti li pproduċew l-istudenti, tlieta f’kull grupp.
Għal darba oħra, dan il-proġett offra esperjenza unika għall-istudenti tal-iskola u wera biċ-ċar li t-tfal, meta jingħataw spazju u opportunita’, kapaċi jmorru lil hinn mill-aspettativi.
Il-wirja ser tibqa’ miftuħa sas-7 ta’ Jannar 2018.
//= $special ?>