Knisja Lokali

Il-Knisja f’Malta mħassba dwar is-sensiela ta’ serqiet minn diversi knejjes

Il-Kurja qed tħeġġeġ lill-kappillani biex jinstallaw kameras CCTV u sistemi oħra ta’ sigurtà, kemm jista’ jkun iżommu mill-inqas flus fil-knejjes billi jiddepożitawhom b’mod regolari, u jkomplu jħarsu u jieħdu ħsieb l-oġġetti ta’ wirt storiku u artistiku

Il-Knisja f’Malta rċeviet rapporti ta’ tħassib mingħand numru ta’ kappillani dwar il-mewġa ta’ serqiet li ħakmet lil numru ta’ parroċċi partikolarment fl-aħħar sitt xhur. Għall-Knisja, is-sitwazzjoni tant hija inkwetanti, li din tat struzzjonijiet lill-kappillani dwar miżuri li għandhom jieħdu biex inaqqsu l-possibbiltà ta’ serq b’suċċess. Żvelat dan il-gazzetta il-mument.

Għall-awtoritajiet tal-Knisja f’Malta hija “sitwazzjoni ta’ tħassib”, is-sensiela ta’ serqiet minn knejjes Maltin li seħħet f’dawn l-aħħar xhur. Kelliema għall-Kurja kkonfermat ma’ il-mument li l-Knisja rċeviet messaġġi ta’ tħassib minn kappillani peress li ħafna minn dan is-serq qed jitwettaq minn ħallelin li jkunu armati.

Dwar x’kunsiderazzjonijiet qegħdin jittieħdu mill-awtoritajiet tal-Knisja biex jissaħħu s-sistemi ta’ sigurtà mal-knejjes Maltin meta wieħed jikkunsidra mhux biss is-serq ta’ flus, iżda wkoll wirt storiku u artistiku, il-Kurja qalet li qed tħeġġeġ lill-kappillani biex jinstallaw kameras CCTV u sistemi oħra ta’ sigurtà, u kemm jista’ jkun iżommu mill-inqas flus fil-knejjes billi jiddepożitawhom b’mod regolari, u jkomplu jħarsu u jieħdu ħsieb l-oġġetti ta’ wirt storiku u artistiku.

SERQA MILL-KOLLEĠĠJATA TAL-KUNĊIZZJONI
Data: 22 ta’ Lulju 2017
Lokalità: Bormla

B’kemm jiswew €36,000 f’dehbijiet u oġġetti sagri nsterqu mill-Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata f’Bormla. Il-ħallelin daħlu minn fuq il-bejt u ddendlu b’ħabel għal ġol-knisja fejn żgassaw it-tabernaklu u serqu wkoll minn armarju fis-Sagristija. It-tentattiv tagħhom biex jisirqu d-dehbijiet minn fuq l-istatwa tal-Kunċizzjoni ma rnexxiex.

Il-ħallelin serqu l-labra bil-brillantini li fil-festa tal-Kunċizzjoni titpoġġa mal-kwadru tal-Madonna fil-kor li waħedha tiswa madwar €20,000. Din kienet restawrata dan l-aħħar. Kienu nsterqu wkoll pissidi, ċiborji u anke kalċijiet li jlaħħqu valur ta’ €16,000.

Bis-serqa kienu ntebħu s-Sagristan u anki Alfons Grech li flimkien għall-ħabta tas-6.15am fetħu l-knisja.

Skont l-Arċipriet, il-Kanonku Dun Anton Cassar, il-ħallelin telgħu fuq il-bejt mal-iscoffolding li kien hemm mal-faċċata tal-knisja u daħlu minn tieqa, u permezz ta’ ħabel niżlu fil-knisja.

Il-ħallelin ippruvaw iżda ma rnexxilhomx jiftħu n-niċċa fejn hemm l-istatwa tal-Kunċizzjoni li hija mżejna b’diversi ornamenti tad-deheb.
Il-ħallenin jidher li kienu ħarġu mill-bieb prinċipali tal-knisja li nstab bis-serratura mkissra u l-istanga maqlugħa minn postha.

L-aħħar serqa li seħħet minn din il-parroċċa tmur lura għall-1980.

F’Settembru li għadda żewġt irġiel Bormliżi kienu tressqu l-Qorti mixlija b’din is-serqa filwaqt li l-oġġetti misruqa nstabu wara li xi ħadd mar iqerr għand l-Arċipriet ta’ Bormla. L-Arċipriet kien mar flimkien mas-sagristan f’post magħruf bħala Fuq il-Ġibjun, viċin il-Mina ta’ Santa Liena. Permezz tal-istess informazzjoni iktar tard instabu wkoll il-kumplament tal-oġġetti sagri fuq bejt ta’ residenza.

FILMAT U RITRATTI: Serqa ta’ €30,000 mill-Knisja tal-Kunċizzjoni f’Bormla

SERQA MILL-KNISJA PARROKKJALI TA’ KRISTU RE
Data: 25 ta’ Settembru 2017
Lokalità: Raħal Ġdid

Il-flus li kienu fil-kaxxi tad-donazzjonijiet insterqu mill-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, wara li l-ħallelin daħlu minn tamboċċ fis-sagristija. Għall-ħabta tal-5am, is-sagristan skopra li l-flus mill-kaxxi kienu ġew nieqsa meta mar jiftaħ il-knisja għall-ewwel quddiesa. Il-kaxxi kienu jinżammu quddiem in-niċeċ, u l-parruċċani jitfgħu d-donazzjonijiet tagħhom fihom.

Sa qabel il-11pm tal-lejl ta’ qabel, is-serqa kienet għadha ma seħħitx peress li l-Kappillan Dun Marc Camilleri qal li f’dak il-ħin kien ta titwila fil-knisja. Il-ħallelin jidher li kienu daħlu billi qalgħu l-ħadid minn tamboċċ fis-sagristija, u wara ħadu l-flus mill-kaxxi kollha. Peress li l-kaxxi jitbattlu kull xahar, kien diffiċli li jkun stabbilit l-ammont misruq.

Għalkemm il-ħallelin fetħu wkoll in-niċċa tan-Nazzarenu, ma saritx ħsara u ma nsteraq xejn minnha. Is-sagrament u oġġetti oħra sagri jidher li ma ntmessux.

SERQA MILL-KNISJA PARROKKJALI TA’ SANTA KATERINA
Data: 9 ta’ Ottubru 2017
Lokalità: Iż-Żejtun

F’din is-serqa, li wkoll seħħet billejl, insterqu flus u oġġetti ta’ valur minn ma’ statwa tal-Madonna. Is-serqa saret jum wara li fiż-Żejtun kienet ġiet iċċelebrata l-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Fost l-oġġetti misruqa kien hemm il-kuruni tal-fidda, waħda f’idejn il-Madonna u l-oħra f’idejn il-bambin.

Meta l-knisja nfetħet għall-ewwel quddiesa, li tiġi ċċelebrata fis-6.15am, in-nies innutaw li tliet kaxxi tal-flus mal-ħitan kienu żgassati. Irriżulta wkoll li kien hemm miftuħa l-kaxxa tal-flus li kien hemm quddiem l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju.

Il-kuruni tar-Rużarju huma stmati li jiswew mijiet ta’ ewro. Għalkemm il-valur tal-flus fil-kaxxi tad-donazzjonijiet mhux magħruf, hu mifhum li fil-kaxxa li kien hemm quddiem l-istatwa tar-Rużarju ma kienx hemm biss muniti.

Min daħal fil-knisja jidher li tela’ fuq il-bejt mal-iscaffolding armat fil-ġenb tal-knisja fejn qed isir xogħol ta’ restawr. Mill-bejt, il-ħallelin żgassaw il-bieb li jagħti għall-garigor tal-kampnar, niżlu t-taraġ u żgassaw il-bieb li jagħti għal ġol-knisja.

Minkejja li l-knisja taż-Żejtun għandha sistema ta’ sigurtà, għal xi raġuni l-alarm ma daqqitx.

Serqa mill-Knisja taż-Żejtun; il-ħallelin telgħu mal-iscaffolding

SERQA MIR-RESIDENZA TAL-KAPPILLAN
Data: 19 ta’ Novembru
Lokalità: Birżebbuġa

Persuni mhux magħrufa daħlu fid-dar parrokkjali ta’ Birżebbuġa fejn wettqu din is-serqa fi Triq il-Kurat Fenech. Skont il-Kappillan Dun Anton Galea Scanura, is-serqa kienet żgħira u kulma nsteraq kien xi flus u xi oġġetti żgħar.

Is-serqa saret għall-ħabta tat-8.20am, u f’dak il-waqt, il-Kappillan ma kienx fir-residenza.

ATTENTAT TA’ SERQA MILL-KNISJA PARROKKJALI TA’ KRISTU RE
Data: 23 ta’ Novembru 2017
Lokalità: Raħal Ġdid

Xahrejn wara li seħħet serqa mill-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, l-istess knisja kienet fil-mira ta’ ħalliel li nqabad hekk kif kien se jiżgassa l-bieb tal-ġenb tal-knisja. Hu nqabad mill-pulizija waqt ronda fis-1.30am.

Minn tfittxija li saritlu fil-basket instab li kellu xi għodda fosthom turnaviti u spanner. Mal-bieb ta’ wara tal-knisja, il-Pulizija sabet marki li dehru li l-bieb kien beda jiġi żgassat.

Serqa mill-Knisja ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid

SERQA MILL-KNISJA PARROKKJALI TA’ SAN ĠUŻEPP
Data: 25 ta’ Novembru 2017
Lokalità: Il-Kalkara

Il-ħallelin daħlu fil-knisja billi telgħu fuq is-saqaf tal-knisja fejn hemm għoli ta’ żewġ sulari, qalgħu l-gradilja tal-ħadid li hemm ma’ tieqa u kissru l-ħġieġ.

Il-Kappillan tal-Parroċċa tal-Kalkara Fr Brian Gialanze kien infurmat bis-serqa wara li marru biex jiftħu għall-ewwel quddies tat-8am. Fil-knisja kien hemm ftit taqlib, u l-ħallelin serqu l-flus mill-kaxxi ta’ quddiem in-niċeċ u xi ċrieket tad-deheb mill-istatwa titulari ta’ San Ġużepp wara li fetħu n-niċċa.

AĠĠORNATA BIL-FILMAT: Serqa mill-Knisja ta’ San Ġużepp fil-Kalkara; il-ħallelin jidħlu minn tieqa

ATTENTAT TA’ SERQA MILL-UFFIĊĊJU PARROKKJALI TAL-KNISJA MARIJA BAMBINA
Data: 28 ta’ Novembru 2017
Lokalità: L-Isla

Impjegat Taljan tal-Parroċċa Marija Bambina fl-Isla, Luca Zaltrone, sfrattata serqa mill-uffiċċju parrokkjali tal-knisja. Kien għall-ħabta tad-9.20am li Zaltrone daħal fl-uffiċċju parrokkjali u sab ma’ wiċċu raġel li kien liebes barnuża, kellu maktur ma’ wiċċu u nuċċali tax-xemx. Il-ħalliel tkellem bl-Ingliż, staqsa għall-Arċipriet, imbagħad talab il-flus. Huwa kien qed iġorr lieva tal-ħadid u hedded li joqtol lill-impjegat Taljan jekk dan ma jagħtihx il-flus.

F’mument minnhom il-ħalliel dar u Zaltrone żgiċċa għal ġol-uffiċċju tal-Arċipriet u sakkar warajh. Il-ħalliel ipprova jsegwih iżda ma setax jikseb aċċess għal ġol-uffiċċju minħabba l-karatteristiċi tas-sigurtà li għandu l-uffiċċju.

Hekk kif il-ħalliel kisser ħġieġa, l-impjegat tal-knisja Luca Zaltrone beda jgħajjat għall-għajnuna. Il-ħalliel ħarab u ftit wara tfaċċa l-Arċipriet Dun Robin Camilleri.

Jirriżulta li l-bieb ta’ barra tal-uffiċċju parrokkjali baqa’ msakkar u dan ifisser li aktarx il-ħalliel kiseb aċċess għall-uffiċċju parrokkjali minn ġol-knisja. Il-Kappillan tal-Parroċċa tal-Isla kkonferma li ma kien insteraq xejn.

AĠĠORNATA: Rappreżentant tal-Arċisqof fil-Bażilika tal-Isla jissakkar f’kamra u jisfratta serqa; arrestat is-suspettat

SERQA MILL-KNISJA PARROKKJALI TA’ SAN LAWRENZ
Data: 13 ta’ Diċembru 2017
Lokalità: Il-Birgu

Persuna jew persuni serqu mill-kaxxa tal-flus tan-niċċa tal-Madonna ta’ Fatima u minn kaxxa oħra li fiha jitfgħu d-donazzjonijiet it-turisti. Kien is-sagristan li nduna bis-serqa hekk kif fetaħ il-knisja u sab il-bieb tal-gallarija tal-orgni miftuħ. Jidher li wara s-serqa li kienet saret mill-Knisja ta’ Bormla, tneħħew oġġetti prezzjużi u li setgħu jinsterqu.

Għalkemm il-knisja hija mgħammra b’sistema ta’ alarm, dawn immarkaw il-movimenti waqt is-serqa imma ma faqqgħetx.